L-Unjoni Ewropea trid tibqa’ tipprovdi lin-negozji ż-żgħar b’fondi u opportunitajiet biex ir-rata tal-ħolqien tal-impjiegi tkompli tiżdied. Dan sostnieh il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton waqt żjara fl-uffiċċji ta’ International House Malta, li hi skola tat-tagħlim tal-Ingliż. Kevin Plumpton qal li l-SMEs huma kruċjali għall-ekonomija Maltija u għalhekk kull MEP għandu jassigura li fil-ħidma tiegħu fi Brussell ipoġġi l-isfidi li jiffaċċjaw dawn in-negozji fuq quddiem tal-aġenda tiegħu.
Fost dawn it-tip ta’ negozji f’Malta, wieħed isib l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż, li mhux biss iħaddmu Maltin u barranin, iżda wkoll huma l-mutur biex jattiraw studenti barranin li jiġu Malta ħalli jitgħallmu l-Ingliż. F’laqgha li kellu mad-Direttur Maniġerjali ta’ International House Malta Costantino Mifsud, Kevin Plumpton wiegħed l-impenn tiegħu li jaħdem biex dawn it-tip ta’ negozji jgawdu mill-benefiċċji li tipprovdi l-UE. Dan anki fid-dawl li dan in-negozju partikolari esperjenza tkabbir ekonomiku sinjifikanti fl-aħħar snin.
Kevin Plumpton irrefera wkoll għall-aħbar li ġiet żvelata mill-Federazzjoni għall-Iskejjel tal-Ingliż f’Malta (FELTOM), li n-numru ta’ studenti barranin li jiġu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż naqsu matul is-sena li għaddiet. Il-kandidat tal-PN appella lill-Gvern biex ikompli jħares dan is-settur għax jekk jissoktaw joħorġu aħbarijiet ħżiena, il-konsegwenzi jistgħu jkunu negattivi. Hu appella wkoll lill-Gvern biex jinvesti iżjed fin-negozji ż-żgħar jekk ma jridx li r-rata tal-qgħad f’Malta tkompli tikber kif kibret fl-aħħar xhur.
Fuq nota pożittiva, Kevin Plumpton temm jgħid li l-istudenti li qed jiġu f’Malta biex jitgħallmu l-Ingliż qed iqattgħu aktar jiem f’pajjizna. Dan hu sinjal li huma sodisfatti bil-kwalità tas-servizz li qed jirċievu mill-iskejjel u l-għalliema tal-Ingliż.
//= $special ?>