Lokali

L-Unjoni Ewropea tikkonferma li Joseph Muscat huwa fabbrika tal-gideb

Statistika maħruġa llum mill-Eurostat tikkonferma li Joseph Muscat kien qed jigdeb meta lejlet l-elezzjoni li għaddiet kien qal li l-power station il-ġdida hija fabbrika tal-kanċer. Il-Partit Nazzjonalista qal dan permezz ta’ stqarrija b’rabta ma’ statistika maħruġa llum mill-aġenzija Eurostat li tispjega li bejn l-2012 u l-2013, pajjiżna rreġistra tnaqqis ta’ 6.8% fl-emissjonijiet ta’ CO2 ġġenerati mill-produzzjoni tal-enerġija, li jfisser tnaqqis ta’ 184,000 tunnellata ta’ emmissjonijiet ta’ CO2.

Il-Partit Nazzjonalista qal li t-tnaqqis fl-emissjonijiet li ġew reġistrati f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet ikomplu jżidu mal-provi eżistenti li Joseph Muscat kien qed ibeżża’ u jinganna lin-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa bl-aktar mod ċar biex jirbaħ il-voti lejlet l-elezzjoni li għaddiet. “L-istatistika maħruġa mill-Unjoni Ewropea hija konferma li Joseph Muscat huwa fabbrika tal-gideb” qal il-Partit Nazzjonalista.

Skont il-Partit Nazzjonalista, wara sena biss ta’ Gvern Laburista, ir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa qegħdin iħossuhom użati u ttraduti mill-istess Joseph Muscat mhux biss talli nqabad jigdeb imma wkoll bid-deċiżjoni tiegħu li jankra tanker tal-gass mimli periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-power station il-ġdida li nfetħet fi tmiem il-leġiżlatura li għaddiet ma wasslitx biss għal tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet ta’ CO2 iżda qed tiffranka lil pajjiżna €1 miljun fil-ġimgħa fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u minħabba f’hekk li l-Gvern illum jinsab f’pożizzjoni li seta’ jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u mhux b’power station li għadha fuq il-karta.

“F’sena waħda biss, Joseph Muscat wera li huwa fabbrika tal-gideb”, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.