Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: “Ma ksirnix wegħda waħda li hi waħda” – Muscat

L-ebda referenza għal mod kif Malta saret għal tal-qalba

Il-wegħda li d-deputati tal-Gvern ma jieklux b’aktar minn ħalq wieħed. Il-wegħda tal-meritokrazija. Il-wegħda ta’ Gvern trasparenti. Il-wegħda li l-Gvern ikun wieħed tal-‘mhux il-min taf, iżda x’taf’. Il-wegħda li l-Gvern ma jkunx Gvern tal-ftit iżda Gvern tal-ħafna. Il-wegħda ta’ Malta Tagħna Lkoll.

Dawn huma wħud mill-wegħdi li Joseph Muscat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien wiegħed, wegħdi iżda li fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista jidher ċar li ma nżammux.

Madanakollu, f’attività politika f’Birżebbuġa, il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jinsa’ dawn il-wegħdiet elettorali, u bla tlaqiq ta’ xejn jiddikkjara li l-Gvern Laburista ma kiser l-ebda wegħda elettorali.

Muscat kien qed jitkellem dwar il-wegħdi li wettaq il-Gvern Laburista, fejn talab lill-elettorat biex il-poplu jiġġudika l-ħidma tal-Gvern Laburista.

Madanakollu, l-ebda referenza għall-mod kif dawn il-wegħdiet inkisru fl-aħħar sena. Xi ħaġa li anke’ l-Partit Nazzjonalista għamel referenza għalihom fi stqarrija u permezz ta’ billboard elettroniku li tnieda l-Erbgħa.

Filwaqt li qal li l-Gvern tiegħu ma kiser l-ebda wegħda, nesa’ jirreferi għal mara tal-Ministru Konrad Mizzi li qed titħallas 13,000 ewro fix-xahar. L-ebda referenza għas-sieħba fin-negozju ta’ mart il-Prim Ministru li ngħatat job fi New York b’paga ta’ 60,000 ewro fis-sena u l-anqas dwar il-ħabib tal-familja ta’ Muscat li ngħata erba’ promozzjonijiet f’daqqa biex sar Brigadier fl-Armata. L-anqas ma rrefera għall-mod kif il-Prim Ministru stess kera l-karozza tiegħu stess lilu nnifsu u ta’ dan qed jieħu 70,000 ewro u l-mod kif ħames kandidati tal-Labour għall-Parlament Ewropew akkwistaw job jew kariga mal-Gvern bi ħlasijiet u perkaċċi lussużi. Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li fl-istess waqt, is-suldati tal-azzar ta’ Muscat iridu jikkuntentaw ruħhom b’żewġ ċenteżmi.

Dwar it-two cents li ta lill-bqija tal-poplu Malti li m’humiex tal-qalba, Muscat qal li huma two cents li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Referenza wkoll mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li fid-diskors tiegħu talab lill-poplu biex jagħmel idejh fuq il-kuxjenza u jaraw jekk għandhomx aktar flus fil-but. Fuq l-istess linja, id-Deputata Laburista u Kandidata tal-Partit Laburista Deborah Schembri qalet li l-Gvern Laburista jaħdem biex il-ħajja ta’ kulħadd titjieb, u mhux biss ta’ dawk li qegħdin fis-saffa ta’ fuq.

Fid-diskors tiegħu, Joseph Muscat qal li l-Gvern Laburista għandu obbligu morali li jibda proġetti biex jittejbu l-ambjent u l-infrastruttura tan-naħa t’isfel ta’ Malta, f’diskors li sar metri ‘l bogħod minn fejn il-Gvern Laburista qed jippjana li jankra tanker bil-gass f’nofs il-bajja għall-periklu tar-residenti tal-inħawi.

Intant, appell mill-Prim Ministru biex fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jiġi ġġudikat fuq l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista.