Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Partit Laburista wiegħed Malta Tagħna Lkoll. F’sena waħda biss bil-Partit Laburista fil-Gvern, Malta saret għal tal-qalba biss.
Hu dan il-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista jrid iwassal permezz ta’ billboard elettroniku li nieda llum fuq il-media soċjali tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li Joseph Muscat qed jagħti 2 ċenteżmi lill-poplu, tal-qalba u tal-familja qegħdin jiffangaw kemm jifilħu fosthom:
– Il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi titħallas €13,000 fix-xahar;
– Is-sieħba fin-negozju ta’ mart il-Prim Ministru ngħatat job fi New York b’paga ta’ €60,000 fis-sena;
– Il-ħabib tal-familja ta’ Joseph Muscat ingħata erba’ promozzjonijiet f’daqqa biex sar Brigadier tal-Armata;
– Joseph Muscat jikri l-karozza tiegħu stess lilu nnifsu u ta’ dan jieħu €70,000;
– Minn tlettax-il kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ħamsa minnhom akkwistaw job jew kariga mal-Gvern bi ħlasijiet u perkaċċi lussużi: Charlon Gouder, Miriam Dalli, Cyrus Engerer, Mario Farrugia Borg u issa anke Lino Bianco, li għadu kemm inħatar Ambaxxatur ta’ Malta fir-Rumanija.
Sadanittant, is-Suldati tal-Azzar iridu jikkuntentaw irwieħhom biż-2 ċenteżmi li tahom Joseph Muscat. Is-Suldati tal-Azzar imorru jfittxu l-mediċini b’xejn u ma jsibuhomx għax ikunu ħaduhom tal-qalba.
Skont il-Partit Nazzjonalista, Malta saret għal tal-qalba biss.
//= $special ?>