Futbol Sport

Malta tibda b’żewġ impenji fil-Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena jibda l-impenji tiegħu fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni mill-Kampjonati Ewropej b’żewġ logħbiet. Fl-ewwel logħba fis-1 p.m. Malta tilgħab kontra r-Renju Unit waqt li fis-7.30 p.m. it-tim Malti jiltaqa’ kontra l-Greċja.

B’kollox se jkunu qed jieħdu sehem seba’ timijiet maqsuma fi Grupp A1 u A2 u Malta tinsab fi grupp ta’ tlieta flimkien mal-Greċja u r-Renju Unit fi Grupp A1 waqt li fil-grupp l-ieħor hemm l-Iżrael, ir-Rumanija, s-Slovakkja u l-Ukrajna.

Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd imbagħad jintlagħbu l-partiti għall-klassifikazzjoni inkluż is-semi-finali bejn l-ewwel u t-tieni ta’ gruppi diversi u sussegwentement il-finali.

L-iskwadra Maltija hi ffurmata minn: Sean Xerri DeCaro, Matteo Cacici, Marc Lanzon (Neptunes); Nicholas Bugelli, Michele Mifsud, Mark Fenech (Sliema); Kai Dowling, Keith Galea, Andreas Galea, Ben Plumpton, Kurt Mock (San Ġiljan), Nicky Grixti (Sirens) u Benji Lanzon, Philip Paris, Steve Galea Pace (Exiles).