It-trasferimenti ta’ Membri tal-Forzi Armati li saru lejn ċentri ta’ detenzjoni ma kinux minħabba vendikazzjoni għaliex hekk kien isir fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista.
Dan qalu l-Ministru Manwel Mallia meta għalaq id-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Forzi Armati. Hu qal li ma hemm l-ebda diżunur filli wieħed iservi f’ċentru ta’ detenzjoni.
Il-Ministru Mallia qal li mhux minnu li l-Maġġur R. Ruġġier hi mara waħedha fiċ-ċentru ta’ detenzjoni fejn intbagħtet. Hemmhekk hemm nisa oħra li qed jagħtu servizz. Madankollu l-kritika tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien li f’dan iċ-ċentru, bħala detenuti hemm irġiel biss u m’hemmx detenuti nisa.
Il-Ministru Mallia qal li ma jara xejn ħażin li mara tintbagħat tagħmel servizz fost l-irġiel għaliex illum qed nitkellmu aktar u hu aktar aċċettat il-kunċett ta’ ugwaljanza.
Il-Ministru sostna li l-kritika li saret dwar l-Ombudsman m’hix ġusta għaliex il-liġi tispeċifika li talbiet bħal dawk li saru riferenza għalihom kellhom isiru quddiem il-President tar-Repubblika.
//= $special ?>