Qorti

“Sacred Heart” jiftħu protest kontra l-MEPA u l-Kummissarju tal-Artijiet

Is-Soċjetà “Sacred Heart” ippreżentat protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-MEPA u l-Kummissarju tal-Artijiet wara li hi kienet notifikata dwar żvilupp li sar f’art li m’għadhiex tappartjeni lilha hekk kif din ġiet esproprjata.

Sacred Heart qalet li ġiet notifikata b’avviż ta’ infurzar li sar żvilupp mingħajr permess li jikkonsisti f’żewġ ħitan ta’ madwar erba’ u sitt filati u ċint fuq l-istess ħitan, xatba tal-mettal u struttura li qed tintuża bħala stalla.

L-Avviż ta’ infurzar jirreferi għal sit fi Triq Zammit Clapp fil-Gżira limiti ta’ San Ġiljan. Is-Soċjetà lmentat li s-sit ġie espropjat mill-gvern fl-1989 u għalhekk ilu fil-pussess tal-Kummissarju tal-Artijiet minn dak iż-żmien. Is-sit jifforma wkoll parti minn biċċa art akbar soġġetta għall-esproprjazzjoni li kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fl-istess sena.

Il-protest ikompli jgħid li meta s-Soċjeta’ kienet infurmata verbalment mill-MEPA fuq is-sit inkwistjoni bagħtet tagħraf lid-Direttur tal-MEPA li m’għandhiex pussess tas-sit u għalhekk mhix f’pożizzjoni li twaqqaf l-ebda forma ta’ attività li qed issir fl-istess post. Minkejja din l-informazzjoni l-awtorità xorta waħda ħarġet l-avviż ta’ infurzar.

Is-Soċjetà qalet finalment li sit inkwistjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju tal-Artijiet u li hi m’għandhiex x’taqsam miegħu. Għaldaqstant qed iżżomm kemm lill-MEPA u l-Kummissarju tal-Artijiet responsabbli għad-danni li jistgħu jiġu kkawżati.