Sport Sport Ieħor

Tasal Malta għal żjara ta’ jumejn it-Torċa tal-Commonwealth

Waslet Malta għal żjara ta’ jumejn it-torċa tal-Commonwealth bħala parti mill-vjaġġ tagħha li beda f’Ottubru li għadda mill-Indja, u jiġi fi tmiemu nhar it-23 ta’ Lulju li ġej propju fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth li se jsiru fi Glasgow l-Iskozja.

Mal-wasla tagħha minn Ċipru, l-baton tar-Reġina flimkien ma’ membri mill-Kumitat organizzativ ta’ Glasgow 2014 immexxija minn Chris Jenkins, Viċi President tal-Federazzjoni tal-Logħob għamlu żjara fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja.

Waqt l-istess ċerimonja kien hemm ukoll atleti u timijiet Maltin protagonisti f’edizzjonijiet passati tal-Logħob tal-Commonwealth.

Fosthom dawn l-atleti kien hemm il-judoka Laurie Pace, rebbieħa tal-medalja tal-bronż fil-Logħob tal-1990 f’Auckland, u t-tiratur William Chetcuti, rebbieħ ta’ żewġ medalji tal-bronż fid-Double Trap fl-2002 f’Manchester, u fl-edizzjoni ta’ wara f’Melbourne, fl-Awstralja.

Waqt iċ-ċerimonja saru diskorsi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagh u Sport Chris Agius, u anke mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello.

B’kollox, Malta ħadet sehem 10 darbiet fil-Logħob tal-Commonwealth, fejn rebħet total ta’ erba’medalji, tlieta tal-bronż u waħda tal-fidda.

L-aħjar parteċipazzjoni Maltija kienet fl-edizzjoni 2006 f’Melbourne meta pajjiżna kiseb żewġ medalji, waħda tal-fidda u oħra tal-bronż.

It-torċa tal-Commonwealth żaret numru ta’ postijiet fil-ftit siegħat li għanda f’pajjiżna. Fil-Belt, il-Baton għaddiet tul triq ir-Repubblika lejn Triq Merkanti sabiex wara mill-Barrakka ta’ Fuq, tniżżlet bil-lift u minn fejn id-Dwana l-Qadima qasmet lejn il-Birgu fejn fil-preżenza tal-In Guardia il-Baton ġiet ippreżentata lis-Sindku tal-Birgu John Boxall.

L-aħħar waqfa fl-ewwel ġurnata kienet fiċ-Ċentru Inspire f’Marsascala bis-sehem ta’ atleti paralimpiċi.

Il-Ħamis, il-Baton tar-Reġina se tkun Għawdex fejn wara żjara fit-Tempji tal-Ġgantija , id-Dwejra u fir-Rabat, kmieni wara nofsinhar tirritorna Malta fejn wara waqfa fil-Mellieħa tgħaddi mir-Rabat, l-Imdina u Ħaż-Żebbuġ.

Mill-ewwel edizzjoni tal-Loghob tal-Commonwealth li saru f’Cardiff fl-1958 il-Baton saret is-simbolu ewlieni għax fiha jkun hemm il-messaġġ tar-Reġina li jinqara waqt iċ-ċerimonja tal-Ftuħ ta’ kull edizzjoni. Il-messaġġ tpoġġa waqt ċerimonja li saret f’ Buckingham Palace fid-9 ta’ Ottubru tal-2013 u minn dakinhar bdiet ir-rotta f’71 pajjiż tal-Commonwealth.