Minkejja l-wegħda tal-meritokrazija, dan hu Gvern li jimxi bil-vendikazzjonijiet. Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi meta fil-Parlament żvela kif it-tmexxija tal-Armata ordnat li Maġġur mara tiġi trasferita f’ċentru ta’ detenzjoni fejn hemm detenuti 150 raġel u l-ebda mara. Din il-Maġġur għandha esperjenza ta’ 21 sena fl-Armata.
Jason Azzopardi żvela wkoll kif anke r-raġel ta’ din l-istess Maġġur, li hu Kurunell, ingħata transfer anke hu lejn is-Servizzi ta’ Detenzjoni. Dan il-Kurunell kien barra minn Malta jmexxi missjoni tal-Armata fis-Somalja u meta ġie lura sab li qala’ transfer lejn Ħal Far. Dan apparti li nqabeż fil-promozzjonijiet li ngħataw fl-Armata fix-xhur li għaddew.
Sadanittant, b’risposta għal Mistoqsija Parlamentari li wkoll saret minn Jason Azzopardi, il-Ministru Manwel Mallia kkonferma li ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi sospiż it-taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija għall-membri kollha tal-Korp. Skont Mallia, dan sar għax it-taħriġ magħruf bħala in-service training ma kienx qed jagħti r-riżultati mixtieqa. Hu ġab l-iskuża li bħalissa għaddej eżerċizzju ta’ ristruturar fl-Akkademja. Madwar 900 Pulizija, ħafna minnhom tad-Distrett, kienu jingħataw taħriġ ta’ tmien sigħat fix-xahar fl-Akkademja, fost l-oħrajn dwar kif għandhom jużaw armi tan-nar u taser guns waqt xogħolhom.
Issa li dan twaqqaf, il-Ministru Mallia wieġeb li min irid imur jitħarreġ fl-użu tal-armi tan-nar, jista’ jmur jitħarreġ fix-shooting range.
Sadanittant, dejjem b’rabta mal-portafoll immexxi mill-Ministru Manwel Mallia, il-Ħabs ta’ Kordin issa ilu aktar minn seba’ xhur mingħajr Direttur. Seba’ xhur ilu, Manwel Mallia kien ħatar lil kuġinuh bħala Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dak iż-żmien Ray Zammit kien Assistent Kummissarju, iżda fl-aħħar xhur ingħata promozzjoni għal Deputat Kummissarju. B’hekk, issa qed jaqdi żewġ rwoli: fil-Korp u fil-Habs.
Għal diversi drabi, MaltaRightNow.com bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex jingħata tweġibiet dwar x’ġara mis-sejħa għal Direttur ġdid tal-Ħabs. Staqsejna għalfejn dan għadu ma nħatarx u allura għaliex il-Ħabs għadu s’issa jitmexxa minn Aġent Direttur. Madankollu, il-mistoqsijiet tagħna jidhru li waqgħu fuq widnejn torox għax s’issa għadna bla risposta.
//= $special ?>