Il-kandidat laburista ghall-Parlament Ewropew Cyrus Engerer, li ħafna kienu qed iqisuħ bħala wieħed mill-istar candidates ta’ Joseph Muscat, ingħata sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs fuq tixrid ta’ materjal pornografiku.
Hu nstab ħati u kien kundannat mill-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Michael Mallia, li qalet li hemm raġunijiet biżżejjed li juru li Cyrus Engerer kien l-awtur u l-moħħ ta’ tixrid ta’ ritratti fuq l-internet għad-dannu tal-eks sieħeb tiegħu, li hu l-vittma f’dan il-kaz.
Engerer ma kienx instab ħati mill-Qorti tal-Magistrati imma wara appell min-nahħa tal-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Appell qalet li sabet biżżejjed provi li juru li l-kandidat Laburtista ta fastidju lill-eks sieħeb tiegħu.
Dan il-każ imur lura għal aktar minn sentejn u kien ingħata pubbliċita’ estensiva fil-media lokali wara li l-Pulizija ressqet lil Engerer fuq reati li seħħew f’Jannar 2012.
L-eks sieħeb ta’ Engerer, issa ngħata raġun mill-Qorti wara li kien allega li Engerer xerred ritratti kompromettenti lil min jimpjegah u lil shabu tax-xogħol wara li hu temm ir-relazzjoni ma’ Engerer. Il-Qorti tal-Appell, qalet li l-Avukat Ġenerali kellu raġun jappella mis-sentenza u li l-Pulizija aġixxew b’mod korrett meta ressqu lill-kandidat Laburista. Il-Qorti ordnat ukoll lil Cyrus Engerer ma jersaqx lejn l-eks siħeb tieghu jew il-familja tiegħu għal perjodu ta’ sena.
L-Imħallef Mallia qal fis-sentenza tiegħu li l-Qorti tal-Appell kkunsidrat li ftit wara li l-eks sieħeb ta’ Engerer temm ir-relazzjoni minn miegħu, l-impjegati fejn kien jaħdem l-eks sieħeb ta’ Engerer bdew jirċievu permezz ta’ email, ritratti tal-eks sieħeb ta’ Engerer f’pożizzjonijiet kompromettenti.
L-eks sieħeb ta’ Engerer mal-ewwel informa lill-Pulizija li huwa kellu suspetti li Cyrus Engerer ried jagħmilu vendikazzjoni wara li kienet intemmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li l-provi jwasslu għal konklużjoni waħda, li kien Cyrus Engerer li ħoloq l-email address u bagħat ir-ritratti lil min iħaddem lill-eks sieħeb tiegħu.
Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li ma tistax tinjora wkoll theddid li Engerer għamel fuq il-vittma biex iwaqqa’ l-każ, meta kien jgħidlu li aħjar iwaqqaf il-proċeduri għax jistgħu joħorġu aktar affarijiet li jkunu ta’ mistħija għalih. Il-Qorti kkummentat li dan juri f’liema livell waqa’ Engerer biex joskura lill-vittma u jipprova jġagħlu jirtira l-każ kriminali kontrih.
Mhux magħruf issa x’pożizzjoni se jieħdu Joseph Muscat u l-Partit Laburista fir-rigward ta’ Cyrus Engerer, u jekk hux se jitħalla jkompli bil-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej. Anke jekk Engerer jista’ jikkontesta xorta waħda.
Għax klawsola li kien hemm fil-liġi li tirregola din l-elezzjoni sa ftit ilu, u li ma kinitx tippermetti li xi ħadd li jkun qed iservi sentenza ta’ ħabs, inkluġ sentenza sospiża, jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, tneħħiet b’emendi li tressqu mill-Ministru attwali tal-Gustizzja Owen Bonnici f’Marzu li għadda.
Din il-gimgħa stess, meta attenda attivita’ bħala parti mill-kampanja ta’ Cyrus Engerer fir-Rialto f’Bormla, il-Prim Ministru u mexxej laburista Joseph Muscat iddeskriva lil Cyrus bħala bniedem ta’ kuraġġ li għamel l-għazla t-tajba meta ingħaqad fil-Moviment Laburista, waqt li kompla li hu kburi bl-għazla t-tajba tal-partit laburista li laqghħu b’idejh miftuha.
Cyrus Engerer huwa wkoll l-awtur tal-ktieb ‘Joseph – Malta li rrid ngħix fiha’ li kien ġie mniedi fil-kampanja għall-aħħar elezzjoni ġenerali. Serva wkoll fl-LGBT Labour, u Helena Dalli, malli laħqet Ministru, ħatritu Chairman tal-Kunsill Konsultattiv dwar id-drittijiet tal-komunita’ LGBT.
//= $special ?>