Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Edward Zammit Lewis jammetti li kien wieħed mid-Deputati Laburisti li ma ssottomettewx id-dikjarazzjoni tal-assi

minn Mario Frendo u Kenneth Xuereb

Il-Ministru Edward Zammit Lewis ammetta li kien wieħed minn fost is-16-il Membru Parlamentari Laburista li ma ssottomettewx id-dikjarazzjoni tal-assi fil-ħin meta għalaq iż-żmien tas-sottomissjonijiet fit-30 ta’ April. Skont hu, id-dikjarazzjoni tal-assi bħala membru tal-Kabinett għamilha, iżda d-dikjarazzjoni bħala Deputat fil-Parlament għadu ma ressaqhiex.

Filwaqt li bħal Edward Scicluna, ipprova jagħti x’jifhem li mhux familjari mal-proċedura li minbarra d-dikjarazzjoni tal-assi bħala Ministru għandu jissottometti dikjarazzjoni tal-assi bħala Deputat, il-Ministru Zammit Lewis hu familjari ma’ din il-ħtieġa għax sena ilu hu kien Segretarju Parlamentari u għaldaqstant jaf sew l-obbligi li joħorġu mill-Kodiċi tal-Etika.

Mistoqsi meta se jissottometti d-dikjarazzjoni tal-assi fil-Parlament, Edward Zammit Lewis qal li se ssir fil-jiem li ġejjin. Dan minkejja li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kellhom jissottomettu d-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom sal-31 ta’ Marzu, filwaqt li d-Deputati kollha fil-Parlament kellhom jagħmlu l-istess sat-30 ta’ April.

Id-Deputati tal-Oppożizzjoni kollha ssottomettew id-dikjarazzjoni tal-assi fiż-żmien stipulat. L-għada li l-ġurnal The Malta Independent żvelat li 16-il Deputat tal-Gvern ma ddikjarawx l-assi tagħhom, sitta minnhom marru jippreżentawha lill-iSpeaker. Fost dawn hemm il-Prim Ministru, li wkoll ma kienx iddikjara l-assi tiegħu. Sal-aħħar jiem kien għad fadal 10 Membri Parlamentari Laburisti, fosthom għadd ta’ Ministri, li kienu għadhom ma ressquhiex.