Ewropa Lokali

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tapprova l-mappa tal-għajnuna reġjonali 2014 – 2020 għal Malta

Il-Kummissjoni Ewropea approvat skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat il-mappa ta’ Malta għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat bejn l-2014 u l-2020 fil-qafas tal-linji gwida ġodda tal-Kummissjoni għall-għajnuna reġjonali, adottati f’Ġunju 2013. Il-linji gwida ġodda stabbilixxew il-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat lin-negozji għal finijiet ta’ żvilupp reġjonali. Dawn jimmiraw għat-trawwim tat-tkabbir u għal koeżjoni ikbar fis-Suq Uniku.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia qal: “Taħt il-linji gwida l-ġodda, it-territorju kollu ta’ Malta jkompli jibqa’ eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet Maltin biex jappoġġaw l-investiment reġjonali b’konformità mal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u b’tali mod li tiġi żgurata wkoll il-kontinwità tal-politika reġjonali Maltija.”

Mappa ta’ għajnuna reġjonali tiddefinixxi r-reġjuni ta’ Stat Membru eliġibbli għall-għajnuna ta’ investiment reġjonali nazzjonali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u tistabbilixxi l-livelli massimi ta’ għajnuna għal kumpaniji fir-reġjuni eliġibbli. Skont il-linji gwida, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu żoni bi PDG per capita tal-medja tal-UE eliġibbli għal għajnuna biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali tagħhom stess, sakemm dawn jikkonformaw ma’ xi livell ta’ kopertura ġenerali tal-popolazzjoni.

Il-mappa l-ġdida ta’ Malta tidħol fis-seħħ bejn l-1 ta’ Lulju 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020. Hi tiddefinixxi t-territorju kollu ta’ Malta bħala eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skont din id-dispożizzjoni.

Il-livell massimu ta’ għajnuna mill-Istat, l-hekk imsejħa “l-intensitajiet tal-għajnuna”, għal proġetti ta’ investiment imwettqa minn kumpaniji kbar huwa ta’ 15 % sal-31 ta’ Diċembru 2017 u ta’ 10 % bejn l-1 ta’ Jannar 2018 u l- 31 ta’ Diċembru 2020. Dawn l-intensitajiet ta’ għajnuna jistgħu jiġu miżjuda b’10 punti perċentwali għal intrapriżi ta’ daqs medju u b’20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar.

Meta kkumparata mal-mappa preċedenti, l-intensità ġenerali ta’ għajnuna waqgħet bi 15-il punt perċentwali għall-perjodu 2014 – 2017 u b’20 punt perċentwali għall-perjodu 2018 – 2020, filwaqt li l-kopertura tal-popolazzjoni tibqa’ identika. Din hija f’konformità mal-approċċ ġenerali tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali, li għandu l-għan li jippromwovi l-iktar reġjuni żvantaġġati tal-Ewropa.