Lokali

Il-każ Cyrus Engerer: Il-Prim Ministru nqela’ f’żejtu

L-aħbar li l-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer ġie kkundannat sentejn ħabs (sospiżi għal sentejn) talli xerred il-pornografija hija prova ċara tal-immaturità tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan għaliex biex jiskorja ‘goal’ politiku kontra l-Partit Nazzjonalista, Muscat aċċetta fil-partit tiegħu persuna li kienet akkużata b’reat serju li issa ġie konfermat mill-Qorti tal-Appell.

Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha fakkar ukoll li ż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma u issa li l-Qorti tal-Appell sabet lil Cyrus Engerer ħati li xerred il-pornografija, Joseph Muscat ma jistax jibqa’ sieket u jaħrab mir-responsabbiltà politika dwar dan il-każ.

Issa li l-Prim Ministru nqela’ b’żejtu stess, huwa fid-dmir li jgħid x’passi se jieħu kontra l-kandidat preferut tiegħu Cyrus Engerer kompla l- Partit Nazzjonalista , kif ukoll jitlob apoloġija lill-pubbliku talli ppermetta kandidat tal-Partit Laburista jikkontesta elezzjoni meta kien qed jiġi akkużat b’reat kriminali serju li wassal għal sentenza ta’ sentejn ħabs (sospiżi għal sentejn).

L-istqarrija ttemm tgħid li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed tkompli toħroġ l-immaturità tal-Prim Ministru Joseph Muscat li għalih kollox jgħaddi u flok jgħolli l-‘istandards’ f’pajjiżna, jara kif se jbaxxihom.