Lokali

Il-PBS jiċċensura lill-Partit Nazzjonalista

Fil-bulettin tal-aħbarijiet li xxandar ilbieraħ filgħaxija fuq TVM, il-Public Broadcasting Services għażel li jiċċensura lill-Partit Nazzjonalista billi ma jxandarx stqarrija tal-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għall-istatistika ppubblikata mill-Eurostat dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja f’Malta bejn l-2012 u l-2013. U dan minkejja li l-PBS xandar l-istqarrija tal-Eurostat stess.

Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha fakkar ukoll li din mhix l-ewwel darba li hu ġie ċċensurat mill-PBS.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-istatistika maħruġa mill-Eurostat tikkonferma li Joseph Muscat kien qed jigdeb meta lejlet l-elezzjoni li għaddiet kien qal li l-‘power station’ il-ġdida hija fabbrika tal-kanċer u qal li issa l-Unjoni Ewropea qed tagħti l-konferma li Joseph Muscat huwa fabbrika tal-gideb.

It-tnaqqis fl-emissjonijiet li ġew reġistrati f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet ikomplu jżidu mal-provi eżistenti li Joseph Muscat kien qed ibeżża’ u jinganna lin-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa bl-aktar mod ċar biex jirbaħ il-voti lejlet l-elezzjoni li għaddiet.

Iktar minn hekk, kompla l-Partit Nazzjonalista, wara sena biss ta’ Gvern Laburista, ir-residenti ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa qegħdin iħossuhom użati u ttraduti mill-istess Joseph Muscat mhux biss talli nqabad jigdeb imma wkoll bid-deċiżjoni tiegħu li jankra ‘tanker’ tal-gass mimli periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Il-‘power station’ il-ġdida li nfetħet fi tmiem il-leġiżlatura li
għaddiet ma wasslitx biss għal tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet ta’ CO2 iżda qed tiffranka lil pajjiżna €1 miljun fil-ġimgħa fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Hija b’din il-‘power station’ li l-Gvern illum jinsab f’pożizzjoni li seta’ jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u mhux b’ ‘power station’ li għadha fuq il-karta.

L-istqarrija ttemm tgħid li bid-deċiżjoni tiegħu li jiċċensura lill-Partit Nazzjonalista, il-Public Broadcasting Services għażel li jipproteġi lill-Prim Ministru li, f’sena waħda biss, wera li huwa fabbrika tal-gideb.