L-Iskola Immaculate Conception f’Ħal Tarxien, li tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Giovanna Antida, inawgura l-awditorju l-ġdid li hu ddedikat lil Sr Nemesia Valle, soru tal-karità li kienet edukatriċi mill-aqwa. Dan il-proġett sewa kważi 2 miljuni w nofs u dawn il-fondi finanzjarji nġabru grazzi għad-donazzjonijiet mill-istudenti matul is-snin u għal kontribut finanzjarju mill-provinċja tal-Komunità tas-Sorjiet tal-Karità.
Il-konċelebrazzjoni solenni ta’ radd il-ħajr tmexxiet mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Charles Scicluna, Isqof Awżiljarju ta’ Malta, fil-preżenza tal-Onorevoli Ministru għall-Edukazzjoni u l-Impjieg, Evarist Bartolo. Is-Sorijiet tal-Karità, studenti, eks studenti u għalliema flimkien mal-familji tagħhom kienu preżenti għal din l-inawgurazzjoni.
“L-idea oriġinali għal dan il-proġett ingħatat minn Sr Maria Antonia Aquilina li kienet Superjura Provinċjali tas-Sorijiet tal-Karità f’Malta fl-1994. Il-klassijiet tal-iskola primarja fl-iskola ta’ Ħal Tarxien kellhom jiċċaqalqu lejn l-iskola l-oħra fi ħdan il-Kulleġġ Santa Giovanna Antida fil-Gudja biex jinħoloq spazju għall-awditorju l-ġdid. Proġett bħal dan involva ħafna xogħol strutturali, ħin u flus. Tliet snin ilu, l-Iskola Immaculate Conception f’Ħal Tarxien fetħet ukoll gymnasium ġdid,” qalet Sr Teresa Tonna, Kap tal-Iskola Immaculate Conception f’Ħal Tarxien.
Dan l-awditorju jista’ jintuża mill-istudenti tal-Kulleġġ għall-attivitajiet tad-drama u oħrajn kemm akkademiċi kif ukoll dawk mhux akkademiċi. L-awditorju hu offrut ukoll għall-kiri minn skejjel oħra u mill-pubbliku ġenerali wara l-ħin tal-iskola.
Għal aktar tagħrif dwar l-Awditorju Sr Nemesia Valle, wieħed jista’ jikkuntattja lill-Iskola Immaculate Conception fuq in-numru tat-telefown: 21821337 jew permezz tal-email immconhead@sja.mcs.edu.mt