Lokali

Kaos enormi ġewwa l-Isptar Karin Grech

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Karin Grech qed tkompli tmur għall-agħar, hekk kif bħalissa hemm kaos enormi. Jirriżulta li l-uniċi żewġ lifts li hemm f’dan il-bini, fejn bħalissa anzjani qed jingħataw servizzi ta’ riabilitazzjoni, mhumiex jaħdmu.

Qraba ta’ pazjenti f’dan l-isptar ikkuntattjaw lil dan l-istazzjon u fissru li konsegwenza ta’ hekk, bħalissa hemm paniku kbir minħabba li l-pazjenti ma jistgħux jiċċaqilqu bis-sodod u l-istretchers minn sular għal ieħor. Dan l-istazzjon hu nfurmat li hemm biss lift żgħir jaħdem, li fih joqħod biss weelchair wieħed. Madankollu, dan qed jintuża wkoll għal kull tip ta’ ħaġa li tkun trid tiġi trasferita minn sular għal ieħor, fosthom xugamani, lożor u affarijiet oħrajn.

Informazzjoni li għandna tgħid li wieħed mill-lifts ilu wieqaf tmien xhur, filwaqt li l-ieħor waqaf jaħdem il-ġimgħa li għaddiet. Nhar is-Sibt li għadda, saru xi tiswijiet fuq dan it-tieni lift, iżda dan reġa’ waqaf jaħdem.

Wara emendi fil-liġi elettorali, fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-pazjenti tal-Isptar Karin Grech ukoll issa se jkunu jistgħu jivvutaw fl-Isptar stess, f’kamra ppreparata apposta, il-Ħamis, 22 ta’ Mejju. Iżda dawn il-problemi fil-lifts qed joħolqu dubji kemm il-votazzjoni f’dan l-Isptar tista’ timxi ħarir. U hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa qed tkompli sejra lura, tliet infermieri magħrufin għall-kulur politiku tagħhom ġew jaqgħu u jqumu mill-pazjenti li kienu jieħdu ħsieb fis-sala fejn kienu jaħdmu, meta qabdu u telqu ‘l hemm, ftit wara li ngħataw transfer li kienu ilhom jitolbu.

Minn informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, jirriżulta li t-tliet infermieri kienu ilhom snin jitolbu għal transfer mis-sala M1, fejn kienu jaħdmu. Madankollu, għal xi raġuni, dan it-transfer baqa’ ma ħariġx. Jirriżulta, li t-Tlieta li għadda, dawn l-infermieri kellmu lil xi superjur tagħhom u heddew li jekk ma jingħatawx it-transfer li talbu, ma jivvutawx fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Kif semgħu hekk, l-Awtoritajiet tas-saħħa jidher li ddeċiedew li jikkonfermaw it-transfer u ħarġuh fi ftit sigħat, għall-ħabta ta’ nofsinhar tat-Tlieta stess. Hekk kif saru jafu b’dan, dawn l-infermieri ddeċiedew li jitilqu d-dmirijiet tagħhom fis-sala dak il-ħin stess. Għad-detriment tal-pazjenti f’din is-sala.

Sadanittant, f’każ ieħor, omm li tkellmet ma’ dan l-istazzjon spjegat kif bintha diġa’ tħassrilha appuntament li kellha fin-neurosurgery tal-isptar tliet darbiet. L-ewwel darba hi kienet se tigi operata imma l-operazzjoni tħassret. Fit-tieni appuntament suppost itteħdilha CT Scan li ma sarx, filwaqt l-Ħamis filgħodu, sagħtejn biss qabel l-appuntament, huma ġew infurmati li anke din id-darba l-viżta ma kinitx se ssir. Din il-mara spjegatilna li kull darba bintha qed ikollha tieħu l-leave minn fuq ix-xogħol għalxejn.