Lokali

L-edukazzjoni l-għodda prinċipali biex jiġi eliminat il-qgħad

L-edukazzjoni hi għodda prinċipali biex fl-Unjoni Ewropea, u f’pajjiżna tiġi miġġielda l-problema tal-qgħad.
Kien dan il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn dibattitu organizzat mill-Union tal-Għalliema, l-MUT, bejn kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li laqqa’ lill-kandidati tat-tliet partiti politiċi ewlenin< Therese Comodini Cachia, Deborah Schembri u Arnold Cassola.
Għal dan id-djalogu kellu jattendi l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f'isem il-Partit Laburista Cyrus Engrer. Madankollu l-Partit Laburista bagħat li Deborah Schembri. Engerer ilbieraħ kien ikkundannat sentenza ta' ħabs sospiża.

Fil-ftuħ ta' dan id-dibattitu, il-Viċi President tal-MUT, Marco Bonnici, semma' li għalliema qed iħallu pajjiżna biex jaħdmu f'pajjiżi oħra għax iħossu li xogħolhom mhux apprezzat biżżejjed, kawża anke tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Matul id-dibattitu Deborah Schembri tkellmet dwar iċ-ċifri nkwetanti ta' studenti li ma jkomplux l-iskola. Qalet li dawn iċ-ċifri juru li lil dawn l-istudenti, is-sistema edukattiva falliet magħhom.

Therese Comodini Cachia faħħret il-ħidma tal-LSAs li qed jagħtu abbilitajiet lil persuni li jkollhom diffikultajiet. Appellat biex l-edukazzjoni ma tkunx politiċizzata u qalet li meta wieħed jgħid li l-edukazzjoni falliet lil xi ħadd, wieħed ikun qed iwaħħal ukoll fl-istudenti.

Arnold Cassola qal li l-Alternattiva Demokratika ma taqbilx mal-banding għax l-istudji juru li meta wieħed jgħaqqad fi klassi persuni li m'għaddewx minn xi suġġetti, dawn l-istudenti iktar se jmorru lura. Minflok hu ssuġġerixxa klassijiet iżgħar biex tiżdied l-attenzjoni individwali.

Tkellem ukoll dwar il-garanzija għaż-żgħażagħ li fi kliemu l-Partit Laburista ppreżentaha bħala xi ħaġa rivoluzzjonarja imma li fil-verità kienet idea li ppreżentaha l-Partit tal-Ħodor.

L-għalliema preżenti għad-dibattitu lmentaw li fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni hemm nuqqas kbir ta' social workers tant li teżisti sitwazzjoni fejn għalliema jgħaddu r-rassenja lid-dipartiment imma ma jsir xejn dwar studenti li jfallu l-iskola.

Dwar dan tkellem ukoll Franklin Barbara, Segretarju Ġenerali tal-MUT li qal li teżisti nuqqas ta' interess qawwija mill-awtoritajiet biex tittieħed azzjoni kontra każi ta' studenti li jfallu mill-iskola. Qal li l-politiku għandu responsabbiltà kbira biex jieħu ħsieb abbużi ta' dan it-tip għax naslu sa sitwazzjoni fejn ikollha tittieħed azzjoni ta' bilfors.