Ekonomija Lokali

L-NSO tikkonferma żieda ta’ 600 fil-qgħad u ta’ 1,400 ħaddiem mal-Gvern fl-2013

Statistika ppubblikata fl-aħħar sigħat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) terġa’ tikkonferma li l-qgħad f’Malta qed jiżdied xahar wara l-ieħor. Iċ-ċifri ta’ dawk jaħdmu bi qligħ, li jirreferu għas-sena bejn Diċembru 2012 u Diċembru 2013, juru li l-qgħad fl-aħħar tal-2013 kien fil-livell ta’ 7,400. Dan ifisser żieda ta’ 590 persuna jfittxu xogħol meta mqabbel ma’ Diċembru 2012 (żieda ta’ 9%).

Iċ-ċifri tal-NSO juru li fuq medda ta’ sena, f’pajjiżna nħolqu 4,981 impjieg ġdid biex dawk b’impjieg full-time f’Diċembru 2013 kienu jammontaw għal 157,660. Dan ifisser li, kif indikat il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha li ħareġ fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, ir-rata tal-ħolqien tal-impjiegi f’pajjiżna fl-2013 żdiedet b’bejn wieħed u ieħor 3%. Madankollu, fit-tbassir tagħha, l-UE qalet li qed tipprevedi li fl-2014 din ir-rata se tonqos għal 2%.

Sadanittant, iċ-ċifri ppubblikati mill-NSO juru li minn fost il-kważi 5,000 impjieg ġdid li nħolqu fi 12-il xahar, 3,600 kienu mas-settur privat. Għalhekk, iċ-ċifri jikkonfermaw li l-bqija, 1,400, kienu nies li ddaħħlu jaħdmu mal-Gvern. B’din iż-żieda ta’ 1,400 persuna, in-numru ta’ nies jaħdmu mas-settur pubbliku kiber għal 42,400, jiġifieri żieda ta’ kważi 3.5%.

L-istatistika turi wkoll li l-parti l-kbira tal-impjiegi ġodda li nħolqu marru għand in-nisa, bin-nisa jaħdmu żdiedu bi ftit aktar minn 3,000 (6%). Iċ-ċifri juru wkoll żieda fis-self-employed u fl-impjiegi part-time.

Stqarrija mill-PN:
L-NSO tikkonferma t-twissijiet ċari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-PN

L-istatistika maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-ħolqien ta’ impjiegi u l-qgħad tikkonferma t-twissijiet ċari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħolqien tax-xogħol, jiġifieri li mhux qed jinħolqu biżżejjed jobs għall-persuni kollha li qed ifittxu x-xogħol u li l-qgħad żdied meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech u Kristy Debono, il-PN qal li llum ġew ikkonfermati tliet fatti importanti:

Fatt 1: L-ammont ta’ persuni li jinsabu mingħajr xogħol żdied b’590 persuna minn Diċembru 2012 għal Diċembru 2013, żieda ta’ 9% fil-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol.

Fatt 2: Filwaqt li l-PN jilqa’ ż-żieda ta’ 3.2% fl-impjiegi, iż-żieda tal-qgħad turi li mhux qed jinħolqu biżżejjed impjiegi għall-persuni li jixtiequ jaħdmu. Aktar ta’ tħassib hu l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li f’din is-sena, il-ħolqien ta’ mpjiegi ġodda se jonqos għal 2.1%.

Fatt 3: Il-Gvern Laburista qed jaħbi l-problema tiegħu tal-ħolqien tax-xogħol billi jżid il-jobs mal-Gvern għal tal-qalba. Il-jobs mal-Gvern żdiedu b’1,411, minn 41,010 f’Diċembru 2012 għal 42,421 f’Diċembru 2013.

Dan kollu jikkonferma li l-Gvern ta’ Muscat mhux qed joħloq biżżejjed xogħol għal min irid jaħdem u qed isib il-jobs għal tal-qalba biss.