Edukazzjoni Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Parlament

Filmat: L-Oppożizzjoni bi ‘Private Members Bill’ biex jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni drittijiet ġodda dwar l-aspett diġitali

Konxju mill-bidliet li qed isiru fis-soċjetà, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta Emendi Kostituzzjonali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem fl-aspett diġitali. Dawn l-Emendi u d-dettalji tagħhom tħabbru mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil waqt żjara li għamel fil-bini minn fejn jiġu pprovduti s-servizzi tal-IT fl-Università, kif ukoll fil-Fakultà tal-ICT u fl-uffiċċji tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).

L-emendi li se jipproponi l-PN jittrattaw erba’ drittijiet ċivili diġitali ġodda: id-dritt ta’ aċċess għall-internet minn kulħadd mingħajr ostakli, id-dritt għal aċċess għall-informazzjoni, id-dritt għal-libertà tat-tixrid tal-informazzjoni mingħajr restrizzjonijiet u d-dritt li jkun l-individwu li jiddeċiedi x’informazzjoni għandha ssir pubblika dwaru stess. L-Emendi Kostituzzjonali se jitressqu fil-jiem li ġejjin fil-Parlament mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar is-settur, id-Deputati Kristy Debono, li kienet preżenti fl-Università, u Claudette Buttigieg.

Akkumpanjat ukoll mill-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Helga Ellul, Jonathan Shaw u Francis Zammit Dimech, kif ukoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Joe Cassar, il-Kap tal-PN qal li meta jkunu parti mill-Kostituzzjoni, dawn id-drittijiet se jsaħħu lis-soċjetà Maltija u se jpoġġu lil Malta fuq quddiem fost il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom drittijiet diġitali.

Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza tal-investiment fl-IT u qal li kull Gvern Nazzjonalista investa bis-sħiħ f’dan is-settur biex illum l-istudenti Maltin għandhom fost l-aqwa faċilitajiet. Semma’ l-investiment ta’ aktar minn €20 miljun f’fondi Ewropej, li kienu investiti fil-faċilitajiet tas-servizzi tal-IT fl-Università. Qal li ma’ dawn, il-Gvernjiet Nazzjonalisti dejjem żiedu investiment nazzjonali ieħor biex tejbu l-faċilitajiet u s-servizzi.

Dwar l-importanza tal-Emendi Kostituzzjonali li jagħtu drittijiet diġitali, il-Kap tal-PN qal li permezz tagħhom, il-Gvern jew xi Ministru ma jkunux jistgħu jiksbu informazzjoni personali dwar l-istudenti kif għamel il-Ministru tal-Edukazzjoni. Permezz ta’ dawn id-drittijiet ġodda, il-pubbliku se jkollu rimedju f’każ li l-Gvern jew xi Awtorità jiksrulu d-drittijiet diġitali tiegħu. Dawn l-Emendi Kostituzzjonali jsegwu dawk li diġà ressaq il-PN f’żewġ inizjattivi oħra mill-Oppożizzjoni: biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-persuni tal-istess sess u tal-persuni b’diżabbiltà.

Il-proposti tal-PN mill-ewwel sabu l-appoġġ tal-istudenti fl-Università. MaltaRightNow.com tkellem mal-President tal-KSU Thomas Bugeja (filmat).