Ambjent Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

L-Oppożizzjoni tilqa’ d-deċiżjoni ta’ esproprjazzjoni ta’ art qrib Ta’ Ħaġrat

L-Oppożizzjoni tilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li jesproprja l-art qrib it-Tempji Ta’ Ħaġrat u tappella biex ikun hemm diskussjoni wiesgħa dwar it-triq ‘il quddiem ħalli permessi bħal dawn, li jkunu ta’ theddida għal siti storiċi u ta’ wirt kulturali ma jirrepetux ruħhom. Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco fakkar li l-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni biex il-Gvern jesproprja l-art u jagħti kumpens xieraq lis-sidien.

Mario de Marco qal li l-mozzjoni se tkun irtirata meta tidħol fis-seħħ l-esproprjazzjoni, madanakollu l-Oppożizzjoni hi tal-fehma li din il-mozzjoni tista’ titwessa’ għal diskussjoni dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali bl-involviment tal-istakeholders kollha. Hu kompla li minbarra l-Oppożizzjoni, anke għaqdiet ambjentali, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr u d-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela kkundannaw dan l-iżvilupp. Hu qal li l-PN qed ikun konsistenti għax każ simili kien seħħ fl-2009. Dakinhar, il-PN fil-Gvern kien esproprja l-art u ta kumpens lis-sidien.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li hu ta’ tħassib li fir-Riforma tal-MEPA, il-Gvern qed jipproponi t-tneħħija tas-Sitt Skeda fil-Liġi, li tipprojbixxi sanzjonar ta’ żvilupp illegali f’żoni barra mill-iżvilupp jew postijiet ta’ wirt storiku u kulturali. Mario de Marco qal li din mhix burokrazija, iżda regolament meħtieġ li jħares mill-abbuż.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Ryan Callus qal li l-Oppożizzjoni aġixxiet b’mod prudenti u ppreżentat il-mozzjoni wara li l-appell tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr kien miċħud u petizzjoni online mill-għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar, li ġabret aktar minn 2,500 firma ma wasslet imkien. Anke l-mozzjoni innifisha, kompla Ryan Callus, m’għandhiex lingwaġġ ta’ politika partiġġjana. Hu ssuġġerixxa li l-art esproprjata tiġi rijabilitata għal spazju pubbliku miftuħ. Hu rrefera wkoll għall-proposta tal-Gvern li l-iskedar ta’ bini jista’ jkun rivedut wara 10 snin. Callus qal li din il-proposta tista’ tiftaħ il-bieb għal abbuż billi s-sid iħalli l-propjetà taqa’ fi stat ta’ abbandun ħalli wara 10 snin jitneħħa l-iskedar.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal li t-Tempji Ta’ Ħaġrat huma wirt kulturali li jmorru lil hinn mill-identità nazzjonali u huma wirt tal-umanità. Patrimonju dinji bħal dawn it-tempji, li jmorru lura bejn 3,600 u 3,200 sena QK, mhux biss hu opportunità mil-lat turistiku iżda jpoġġi wkoll obbligu fuqna biex inħarsuh, tenna Francis Zammit Dimech.