Malta tinsab fil-finali tal-Eurovision 2014. Is-serata finali se ssir is-Sibt f’Kopenhagen fid-Danimarka u Malta kkwalifikat għal darb’oħra għall-finali ta’ dan il-konkors prestiġġjuż fl-Ewropa, wara li għaddiet mit-tieni semifinali li saret illejla. L-interpretazzjoni mill-aqwa mill-grupp Firelight, tal-kanzunetta li biha rebħu l-Malta Eurovision Song Contest “Coming Home” intlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku.
Il-kanzunetta Maltija għandha kliem u mużika ta’ Richard Micallef (ritratt) u l-pop band Firelight, imwaqqfa f’Ġunju 2013 minn Richard Edwards hi pjuttost ġdida għax-xena mużikali. Il-grupp mużikali jispeċjalizza f’mużika Country Folk. Il-grupp hu magħmul minn sitta min-nies, erbgħa minnhom aħwa.
Firelight kantaw fl-ewwel pożizzjoni u l-10 finalisti, magħżula minn fost total ta’ 15 b’taħlita ta’ voti mill-ġurija nazzjonali tal-pajjiżi kompetituri u t-televoting, tħabbru fi tmiem is-serata. Isem Malta ġie mgħajjat fis-seba’ post u flimkien ma’ Malta kkwalifikaw għall-finali l-Iżvizzera, is-Slovenja, il-Polonja, ir-Rumanija, in-Norveġja, il-Greċja, il-Belarus, il-Fillandja u l-Awstrija.
Dawn jingħaqdu mal-10 finalisti li għaddew mill-ewwel semifinali u mal-“Ħamsa l-Kbar”, kif ukoll mad-Danimarka bħala l-pajjiż organizzatur.
//= $special ?>