Futbol Lokali Sport

Malta tibda kontra l-Ingilterra

Għada fis-6pm f’Ta’ Qali t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena jibda l-impenji tiegħu fil-Kampjonati Ewropej għal timijiet ta’ taħt is-17-il sena bil-logħba kontra l-Ingilterra.

Min għada sal-21 ta’ Mejju pajjiżna se jkun vetrina ta’ talent żagħżugħ fejn mijiet ta’ players barranin se jkunu qed jikkompetu f”pajjiżna fit-12-il edizzjoni ta’ dawn il-Kampjonati.

L-ewwel fl-azzjoni se jkun hawn l-Olanda, t-Turkija, il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Dawn l-erba’ timijiet huma fost tmien timijiet li huma maqsuma f’żewġ gruppi. It-tim Malti jinsab fi Grupp A u llejla fis-6pm jilgħab l-ewwel logħba tiegħu f’Ta’ Qali kontra l-Ingilterra. Il-Portugall u l-Iskozja huma ż-żewġ timijiet l-oħra li hawn Malta u dawn se jilagħbu kontra xulxin illum ukoll fit-3.15pm f’Għawdex.
Bla dubju din se tkun opportunita` unika għall-players Maltin li jaffrtonaw players ta’ daqshom ta’ livell għoli u kontra players li qed jaspiraw li jieħdu post l-idoli taħghom li attwalment jilagħbu mat-timijiet tal-kbar.

Għall-pajjiżna u għall-MFA din ukoll se tkun opportunita` unika biex juru lill-Ewropa li kapaċi jorganizzaw turnament li hu mistenni jkun segwit minn telespattaturi minn madwar l-Ewropa.

Dawn il-kampjonati se jkunu l-aħħar finali bi tmien timijiet hekk kif mill-edizzjoni ta’ wara t-turnament finali li se jsir fil-Bulgarija se tiżdied għal 16-il tim.

Il-partiti tal-fażi tal-gruppi se jintlagħbu llum, nhar it-Tnejn u nhar il-Ħamis li ġej fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali, fil-Hibs Ground f’Kordin u fil-Gozo Stadium.

L-ewwel tnejn minn kull grupp jgħaddu għas-semi-finali fit-18 ta’ Mejju f’Ta’ Qali u l-final tintlagħab tlett ijiem wara f’Ta’ Qali wkoll.

It-tim nazzjonali Malti Malta se jilgħab fi Grupp A kontra l-Ingilterra, l-Olanda u t-Turkija filwaqt li Grupp B hu kompost mill-mill-Ġermanja, mill-Iskozja, mill-Iżvizzera u mill-Portugall.

Wara l-logħba ta’ għada, Malta nhar it-Tnejn tilgħab kontra l-Olanda fil-Gozo Stadium fit-3.15pm filwaqt li l-aħħar logħba mill-fażi tal-gruppi għall-Maltin tkun dik fil-15 ta’ Mejju kontra t-Turkija f’ Ta’ Qali. Il-logħba tibda fil-11am.
Għal pajjiżna din se tkun l-ewwel darba fl-istorja li se jkun qed jieħu sehem f’dawn il-kampjonati. Il-finali ta’ dawn il-kampjonati li se tintlagħab fil-21 ta’ Mejju.

Mill-2007 ‘l hawn il-partita għt-tielet u r-raba’ post ma baqgetx tintlagħab u s-semi finalisti telliefa huma mniżżla biss skond l-ordni tal-alfabett.

Filwaqt li l-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir f’Malta, il-Bulgarija u l-Ażerbaijan se jorganizzaw dawk tal-2015 u tal-2016 rispettivament.

Għal dawk li jixtiequ jattendu għal dawn il-partiti u m akellhomx iċ-ċans li jakkwistaw biljetti permezz tal-kampanja REACH OUT, ser ikunu jistgħu jixtru biljetti li għalihom il-prezzijiet inżammu baxxi.

Il-prezzijiet tal-partiti huma>
Logħba fażi tal-gruppi – €2
Block Ticket għall-fażi tal-gruppi – €4
Semifinali – €5
Finali – €5

L-iskwadra Maltija immexxijja mil-kowċ Sergio Soldano hi:
Goalkeepers: Jamie Azzopardi (Mosta), Mikhail Sciberras (Balzan),
Difensuri: Daniel Buckle (Hibs), Christian Degabriele (Pietà), Iousef Meli (Sliema), Neil Spiteri (Floriana), Jean Borg (Valletta), Nick Ghio (Hibs),
Midfielders: Conor Borg (Floriana), Juan Corbalan (Balzan), Jake Grech (Hamrun), Mark Scicluna (Sliema), Neil Tabone (Floriana), Myles Beerman (Man City), Matthew Guillaumier (St. Andrews),
Attakkanti: Joseph Mbong (Hibs), Kyrian Nwoko (St. Andrews), Aidan Jake Friggieri (Sliema)

Grupp A
Malta
Ingilterra
Olanda
Turkija

Grupp B
Ġermanja
Skozja
Żvizzera
Portugall

Il-Programm
Għada
Ta’ Qali
11am – Olanda v Turkija
6pm – Malta v Ingilterra

Gozo Stadium
11.15am – Ġermanja v Żvizzera
3.15pm – Skozja v Portugall