Il-kwistjoni li nqalgħet meta l-Prim Ministru Joseph Muscat bagħat lil martu tirrappreżenta lill-gvern Malti fil-kanonizzazzjoni taż-żewġ Papiet, Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II, turi xi ħaġa inkwetanti fuq il-mod kif il-Prim Ministru jħares lejn il-poter li tawh in-nies.
L-istat hu pubbliku, mhux propjetà privata kif kien fi Żmien id-Dlam
L-istat modern żviluppa 250 sena ilu minn idea rivoluzzjonarja dak iż-żmien; li l-istat hu pubbliku u mhux xi propjetà privata ta’ xi ħadd. Sa Żmien id-Dlam, l-istat kien propjetà privata tar-rè u wliedu kienu jirtu l-istat. Ir-Rè Luiġi XIV fi Franza, ġabar dan fi tliet kelmiet: L’Etat C’Est Moi; L-Istat Hu Jien Stess.
Res pubblica, l-istat ta’ kulħadd
Fl-aħħar tliet sekli, żviluppa l-istat modern li hu msejjes fuq l-idea kuntrarja, li l-istat hu pubbliku. Ħafna stati fil-fatt ħadu l-forma ta’ repubblika li bil-Latin – res pubblica – tfisser eżattament hekk – ħaġa pubblika – l-istat hu ta’ kulħadd.
Fl-istat pubbliku, jirrappreżentana min hu elett
F’repubblika, jirrappreżentana min hu elett. Jekk il-mara ta’ min u elett tmur miegħu xi mkien, dan ikun biex takkumpanjah, mhux bħala rappreżentanta tagħna. Meta l-President f’repubblika ma jkunx jista’ jattendi okkażjoni li fiha jkun qed jirrappreżenta lill-pajjiż, ma jibgħatx lill-mara minfloku, imma lill-aġent President. Hekk ukoll il-Prim Ministru, għandu viċi Prim Ministru li qiegħed proprju għalhekk u li hu elett ukoll.
Rappreżentanza tal-familja fil-monarkiji għax jintirtu
Ara rè, le. Rè jibgħat lir-reġina, anke lill-prinċpijiet uliedu, biex jirrappreżentawh, proprju għax monarkija tintiret. Hekk tagħmel ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra l-ħin kollu tibgħat lir-raġel, lill-Prinċep Karlu, anke lill-Prinċep William – l-eredi tat-tron.
Muscat jaħseb li Kastilja ħadha b’wirt, mhux tellgħuh fiha n-nies
U dan hu x’juri l-inċident tar-rappreżentanza ta’ Malta fil-kanoninazzazzjoni taż-żewġ Papiet. Joseph Muscat donnu jaħseb li Kastilja propjetà tiegħu, li ħadha f’xi wirt. Jaħseb li hu Prim Ministru għax tela’ hu, mhux għax tellgħuh in-nies. Jaħseb li l-Viċi Prim Ministru, li hu elett, qiegħed hemm għall-isem, mhux biex ikun floku meta ma jistax hu.
Mhux ta’ b’xejn jittratta lil tal-familja, lil ħbiebu u lilu nnifsu qisu flusna tiegħu
Mhux ta’ b’xejn li Muscat jittratta l-poter kif jittrattah, bl-istess mentalità qisu xi propjetà privata tiegħu, jagħti lil siħbet martu job ta’ 60,000 ewro New York fejn qed tirreklama l-business ta’ martu stess; lil sieħbu Jeffrey Curmi jagħtih erba’ promotions f’erba’ ġimgħat biex ilaħħqu kap kmandant tal-armata; u hu stess jitħallas 70,000 ewro sal-aħħar tal-leġiżlatura talli jikri l-karozza personali tiegħu lilu nnifsu.
Idieheb lil tal-qalba, imma lilek jippretendi li toqgħod b’2 cents
Għax Muscat jaħseb li Kastilja tiegħu; li l-armata ħadha fil-wirt; li l-karigi tal-istat u flusna qegħdin hemm biex jagħtihom lill-ħbieb; li mqar fil-karozza li juża, m’hemm l-ebda distinzjoni bejn dak li hu pubbliku u dak li hu privat; l-istes mentalità monarkika li mbagħad tippretendi li inti għandek taqbeż bil-ferħ meta r-rè jwaddablek 2 cents.