Il-Prim Ministru Joseph Muscat iġġustifika l-fatt li hu kien wieħed minn 16-il Membru Parlamentari tal-Gvern li ma ddikjarawx l-assi tagħhom fiż-żmien stipulat, bi ksur tal-Kodiċi tal-Etika, billi qal li hu ddikjarahom sena ilu.
Muscat qal dan waqt żjara li għamel fi SmartCity Malta fil-Kalkara. Ir-risposta tiegħu wasslet biex il-ġurnalisti preżenti jikkjarifikaw lill-Prim Ministru li skont il-Kodiċi tal-Etika, id-dikjarazzjoni tal-assi għandha ssir kull sena u mhux darba biss. Din is-sena, dawn suppost tressqu sat-30 ta’ Marzu fil-każ tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, filwaqt li fil-każ tad-Deputati sat-30 ta’ April.
L-ghada li din l-istorja kienet żvelata mill-ġurnal The Malta Independent, sitt Deputati Laburisti, fosthom Muscat innifsu, marru jiddikjaraw l-assi tagħhom. Iżda Muscat skuża lill-membri tal-Gvern tiegħu, li bħalu wkoll ma ddikjarawx l-assi tagħhom saż-żmien stipulat.
Sadanittant, matul iż-żjara tiegħu fi SmartCity, Muscat ftaħar li dan l-investiment qed ikun suċċess minħabba li madwar 70% taż-żona mibnija issa hi mimlija minn kumpaniji diversi. Fost oħrajn, fi SmartCity issa hemm ukoll l-uffiċċji tal-Awtorità Maltija tal-Logħob u l-Lotteriji (LGA), kif ukoll parti mill-aġenzija tal-informatika tal-Gvern (MITA).
Muscat qal li l-mira hi li sal-aħħar tas-sena ż-żona mibnija tkun okkupata kollha biex imbagħad tibda fażi oħra tal-proġett. Dan hu l-istess proġett mibdi minn Gvern Nazzjonalista li tant kien ikkritikat mill-Partit Laburista. Saħanistra, fil-15 ta’ Mejju 2012, Muscat kien irrefera għalih bħala “Ghost City waqt attività politika fin-Naxxar.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv ta’ SmartCity Anthony Tabone u liċ-Chief of Staff tieghu stess Keith Schembri, li l-Gvern hatru fuq il-bord ta’ SmartCity.
//= $special ?>