Il-kandidat Għawdxi tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Cutajar, f’attività f’lukanda fil-Qawra bħala parti mill-kampanja tiegħu, enfasizza li hu dejjem emmen fl-Unjoni Ewropea u li post Malta kien, għadu u jibqa’ fl-Unjoni Ewropea. Preżenti għall-attività kien hemm il-Kap tal-PN Simon Busuttil u l-Viċi Kapijiet Mario de Marco u Beppe Fenech Adami.
Kevin Cutajar qal li għalih l-UE hi opportunità tad-deheb li jixtieq jagħti sehemu fiha biex insarrfuha f’aktar ġid għan-nies. Cutajar spjega li hu qed jikkontesta f’isem il-PN għax jara li dan hu l-partit b’viżjoni li ħadem biex il-ħolma li Malta tkun pajjiż membru fl-UE ssir realtà. Hu qal li anke wara s-sħubija, il-PN baqa’ jaħdem biex l-opportunitajiet li toffrilna l-UE jissarrfu f’ġid għal pajjiżna.
Il-kandidat tal-PN tenna li fadal ħafna xi jsir biex pajjiżna jkompli jgawdi mill-opportunitajiet tal-UE u għalhekk elenka l-miri tiegħu jekk ikun elett bħala Membru Parlamentari Ewropew. Hu saħaq li jrid jaħdem biex javvanza l-interessi ta’ persuni li qed jiffaċċjaw sfidi soċjali ħalli jżommhom infurmati dwar drittijiet u opportunitajiet, biex jissaħħaħ il-qasam edukattiv u ż-żgħażagh jiksbu l-ħiliet neċessarji ħalli jkollhom xogħol b’paga xierqa, biex jippromwovi l-interessi tas-settur kummerċjali lokali b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji, u biex il-valuri li sawru l-Ewropa tul is-snin jibqgħu jiġu apprezzati u osservati fil-Liġijiet u d-deċiżjonijiet li jiġu adottati.
Kevin Cutajar għalaq il-messaġġ tiegħu billi appella lin-nies biex fl-24 ta’ Mejju jivvutaw għall-kandidati kollha tal-PN ħalli pajjiżna jkollu qed jirrappreżentawh MEPs li verament jemmnu fl-UE.
//= $special ?>