Sport

Żjara f’Għawdex tal-Baton tar-Reġina

Fit-tieni ġurnata tal-mawra f’Malta tal-Baton tar-Reġina, din marret Għawdex, fejn mal-wasla d-delegazzjoni immexxija mis-Segretarju tal-Kumitat Olimpiku Joe Cassar u Chris Jenkins, Viċi-President tal-Federazzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth, għamlet żjara fit-tempji tal-Ġgantija u kompliet serja lejn id-Dwejra u r-Rabat.
Wara l-mawra f’Għawdex, fejn kien hemm wkoll parteċipazzjoni ta’ bosta tfal tal-iskola, il-Baton irritornat Malta.

Il-Baton għaddiet mill-Mellieħa fejn ingħatat merħba minn atleti membri tal-Mellieħa Athletics Club . Wara żjara fid-Dar il-Madonna tal-Mellieħa l-impenn li jmiss kien fir-Rabat u l-Mdina qabel ma marret Ħaż-Żebbuġ.

Hemmhekk id-delegazzjoni intaqgħet mill-Boy Scouts tal-lokal kif wkoll minn tfal tan-nursery ta’ Żebbuġ Rangers. Preżenti wkoll kien hemm żewġ atleti minn Haż-Żebbuġ, AnneMarie u Matthew Bugeja li ħadu sehem fl-iSpecial Olympics.

Minn Malta t-torċa tal-Commonwealth marret lejn Ġibilta, qabel sitt destinazzjonijiet oħra fosthom Wales u l-Ingilterra. Fl-aħħar tal-vjaġġ twil tagħha tasal Glasgow fl-Iskozja għall-bidu tal-Logħob fit-23 ta’ Lulju.