Qorti

Accountant jgħid li l-Pulizija ppruvaw iġiegħluh jammetti reat li qatt ma wettaq

Accountant li fis-sena 2003 ma nstabx ħati li mmalafama lill-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien, John Dalli fuq ċirkolazzjoni ta’ dokumenti foloz erba’ snin qabel kompla jixhed f’kawża Kostituzzjonali li huwa qed jagħmel kontra l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Huwa allega li l-Pulizija għamlu minn kollox biex iġiegħluh jammetti reat li qatt ma wettaq.

Joseph Ellul Grech qed jgħid li huwa sofra minn każ ta’ drittijiet umani mittiefsa minħabba dewmien fil-proċeduri li huwa ġie lliberat fuqhom u fuq każijiet oħra. Huwa ma kienx instab ħati wkoll li wettaq frodi fuq dokumenti pubbliċi, dokumenti kummerċjali jew dokumenti bankarji u li għamel użu malizzjuż minnhom, li ffabrika evidenza u li evada dazju mid-dwana u taxxa tal-VAT fuq skieken tal-kaċċa, żewġ ċineg, qażba, pistola tal-arja, “penknife” u “knuckle duster” .

Ellul Grech, li ilu jgħix barra minn Malta għal dawn l-aħħar 10 snin qal li hu kien ġie arrestat fil-15 ta’ Novembru, tal-1999 u li l-Pulizija għamlu erba’ sigħat ifittxu fid-dar tiegħu. Wara qalulu li kienu se jkomplu jinterrogawh fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida. Qal li huwa qatt ma ġie mmanettjat, ingħata twissija jew inkella li xi ħadd qallu li kien jinsab taħt arrest u li kien taħt l-impressjoni li kien qed jgħin lill-Pulizija.

Mistoqsi għaliex huwa qatt ma semma l-fatt li ma kienx ingħata twissija meta tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, huwa qal li dak il-ħin kien taħt effett qawwi ta’ pilloli qawwija għal kontra l-uġiegħ, minħabba li kellu problemi ta’ ġebla fil-fwied. Problemi li kien ilu jbati minnhom, sa minn meta kellu 19-il sena.

Huwa qal li kien iffaċċjat mill-Pulizija li tawh tliet stqarrijiet biex huwa jiffirma, iżda ma ffirma l-ebda waħda minnhom. Ellul Grech qal li l-Assistent Kummissarju Michael Cassar beda dieħel fil-kamra fejn kien waqt l-interogazzjoniu u staqsa għadd ta’ domandi.

Huwa qal li l-Pulizija bdew jisparaw għadd ta’ domandi fil-konfront tiegħu, fejn ippruvaw iħawwduh biex huwa jammetti reat li qatt ma wettaq.

Qal li huwa kien jaf bil-fatt li l-Pulizija kienu segwewh wara li ressquh il-Qorti. Qal li hu kien għaraf ħafna minnhom minħabba li ħafna minnhom kienu xtraw karozza tal-marka Daewoo mingħandu. Il-każ ikompli.