Internazzjonali

Berlusconi jibda s-sena ta’ servizz fil-komunità

L-eks-Prim Ministru Taljan, Silvio Berlusconi, beda s-sena ta’ servizz fil-komunità li jrid jiskonta minflok is-sentenza ta’ erba’ snin ħabs li kien weħel is-sena l-oħra b’konnessjoni ma’ frodi tat-taxxa.

Berlusconi se jkun qed jagħmel erbgħa sigħat xogħol fil-ġimgħa mal-pazjenti li jbatu bid-demenzja ġo dar għall-kura tal-anzjani qrib ta’ Milan u wara li kien studja dwar il-marda tal-Alzheimer’s bi tħejjija għall-impenn. Il-kelliema għad-Dar tal-Fondazione Sacra Famiglia tennew, intant, li Berlusconi se jkun ittrattat ‘bħal kull assistent ieħor’.

Silvio Berlusconi, is-sena l-oħra, kien instab ħati dwar abbużi fix-xiri tad-drittijiet tat-televiżjoni mill-kumpannija tiegħu Mediaset, matul id-disgħinijiet.

Madankollu hu ma weħilx il-ħabs għaliex is-sistema legali tal-Italja ma timponix din il-piena fuq persuni li għandhom ‘il fuq minn sebgħin sena, b’Silvio Berlusconi jagħżel is-servizz fil-komunita minflok jgħix taħt arrest fid-dar tiegħu għal tnax-il xahar. Intant, hu xorta jista’ jmexxi l-Partit tiegħu, Forza Italia, fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u minkejja li hu kellu jirriżenja bħala membru tal-kamra ta’ fuq tal-Parlament Taljan.