Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Cyrus Engerer jirtira l-kandidatura mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Skont Cyrus Engerer, li fi stqarrija ppubblikata kmieni dalgħodu ħabbar li qed jirtira l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ir-raġuni wara l-proċeduri kriminali kontrieh kienet waħda politika. Hekk implika l-eks Star Candidate tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju fl-istqarrija tiegħu, fejn qal li dak li għadda minnu hu riżultat tad-deċiżjoni li kien ħa fl-2011 li jingħaqad mal-Partit Laburista.

Engerer kompla jgħid li l-mottivi veri wara l-proċeduri fil-konfront tiegħu, flimkien ma’ fatti oħra bħall-persekuzzjoni tal-ġenituri u l-familja tiegħu, kulħadd jista’ jasal għalihom u dawn anke ħarġu mill-inkjesta ordnata mill-eks Ministru Carm Mifsud Bonnici.

Ilbieraħ wara nofsinhar, il-Qorti tal-Appell sabet lil Engerer ħati li xerred materjal pornografiku u ritratti kompromettenti tal-eks sieħeb tiegħu, wara li dan temm ir-relazzjoni li kellu miegħu. Il-Qorti kkundannat lil Engerer sentenza sospiża ta’ sentejn priġunerija u qalet ukoll li Engerer hedded lill-vittma b’aktar affarijiet li jistgħu joħorġu biex dan iwaqqa’ l-każ. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkummentat ukoll li dan juri f’liema livell waqa’ Engerer biex joskura lill eks sieħeb tiegħu, f’tentattiv li jipprova jgiegħelu jirtira l-każ kriminali kontrih.

Fl-istqarrija tiegħu, Engerer qal li kien ilbieraħ filgħaxija li hu nforma lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, li ddeċieda li ma jikkontestax l-elezzjoni. Kompla li d-deċiżjoni ħadha għax ma jrid bl-ebda mod li minħabba deċiżjoni kontrih u li skont hu, hi inġusta, jintefa’ xi dell ikrah fuq il-Partit Laburista, li tant qiegħed għal qalbu, jew fuq il-Prim Ministru, li għandu fiduċja sħiħa fih.

Fl-istess waqt, kompla Engerer, jemmen b’konvinzjoni li kieku kellu jmur lura, kien jerġa’ jieħu l-istess deċiżjoni li jissieħeb fil-Partit Laburista għax jemmen li f’pajjiżna kien hawn u għad hawn bżonn ta’ bidla. Fuq kollox, sostna Engerer, ħa d-deċiżjoni għax dejjem emmen li l-politiċi jridu jmexxu bl-eżempju u jerfgħu r-responsabbiltà meta s-sitwazzjoni titlob hekk. Cyrus Engerer temm jgħid li jinsab impenjat li fil-jiem li ġejjin ikompli jaħdem bla waqfien biex il-Partit Laburista jikseb l-akbar appoġġ possibbli fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

B’din l-istqarrija, kollox jindika li ma kinitx it-tmexxija tal-Partit Laburista li ħasset il-ħtieġa li ġġiegħel lil Engerer jirtira l-kandidatura tiegħu, iżda kien Engerer minn jeddu li ddeċieda li ma jikkontestax. B’hekk, issa n-numru ta’ kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew naqas b’wieħed, minn 13 għal 12.

Mhux magħruf jekk Cyrus Engerer, li hu wkoll l-awtur ta’ bijografija tal-Prim Ministru Muscat li nbiegħet fl-aħħar kampanja elettorali, hux se jibqa’ fil-karigi li jokkupa, fosthom bħala konsulent tal-Ministru Helena Dalli u konsulent tal-Ministru Manwel Mallia, kif ukoll Chairman tal-Kunsill Konsultattiv tal-Gvern dwar il-komunità LGBT u karigi oħrajn li jokkupa fi ħdan il-Partit Laburista.