Cyrus Engerer qed jaqleb il-verità rasha ‘l isfel biex jaħbi l-gravità tar-reat kriminali li tiegħu nstab ħati lbieraħ mill-Qorti tal-Appell Kriminali u li għalih ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal sentejn. Cyrus Engerer mhux il-vittma, iżda l-persuna li kkommetta reat kriminali kontra l-eks sieħeb tiegħu. Il-vittma f’dan il-każ hu l-bniedem li sab ruħu espost għall-atti malizzjużi u kriminali ta’ Cyrus Engerer.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Cyrus Engerer ilu snin jippoża ta’ role model tal-kawża li tiġġieled il-preġudizzju kontra l-omosesswali. Iżda lbieraħ hu nstab ħati mill-Qorti tal-Appell li uża dan l-istess preġudizzju biex ipattiha lill-eks sieħeb tiegħu u javvelieh. Issa Joseph Muscat qed jaħsad dak li żera’. Kien hu li laqa’ lil Cyrus Engerer fil-Partit Laburista b’idejh miftuħa wara li l-pożizzjoni ta’ Engerer fil-PN ma kinitx aktar tenibbli.
Il-PN qal li minħabba l-proċeduri kriminali pendenti kontrieh, Cyrus Engerer ma kellu qatt jitħalla joħroġ għall-elezzjoni f’isem partit politiku serju. B’deċiżjonijiet bħal dawn, Muscat ikompli jagħti l-impressjoni li ma jafx jagħraf is-sewwa mill-ħażin. B’deċiżjonijiet bħal dawn, Muscat ikompli jitfa’ dell ikrah fuq il-politika f’pajjiżna. Fil-politika kulħadd għandu jiġġieled kontra kull ħaġa li tista’ tagħti l-impressjoni li xi politiċi huma ‘l fuq mil-Liġi.
Muscat ħoloq problema oħra meta ħatar lil Cyrus Engerer bħala Konsulent tal-Gvern u Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet LGBT. Minħabba l-preġudizzju kontra l-omosesswalità fl-atti kriminali li twettqu minn Engerer, dan ghandu jitneħħa minnufih. Jekk ma jagħmilx hekk, il-Prim Ministru qed jgħid lid-dinja li l-imġieba kriminali ta’ Cyrus Engerer hi aċċettabbli, temm jgħid il-PN.
Joseph Muscat jikkonferma kemm ma jafx jagħraf is-sewwa mill-ħażin
Joseph Muscat qed jikkonferma u jagħti prova ċara ta’ kemm hu Prim Ministru li ma jafx jagħraf is-sewwa mill-ħażin.
Fi stqarrija oħra, il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat u Cyrus Engerer ma jridux jammettu li kien proprju minħabba l-proċeduri kriminali li nbdew fil-konfront ta’ Cyrus Engerer li l-pożizzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista ma baqgħetx tenibbli.
Bl-ammissjoni tiegħu li kien Cyrus Engerer innifsu waħdu li għażel ma jibqax kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Muscat qed ikompli jwebbes rasu u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lil bniedem li nstab ħati ta’ reat kriminali serju mill-Qorti tal-Appell Kriminali.
Il-PN qal li dan mhux aċċettabbli u mhux aġir ta’ Prim Ministru responsabbli, speċjalment mill-Prim Ministru Muscat, li ġie elett bil-wegħda ta’ tmexxija mibnija fuq it-trasparenza u l-integrità tal-persuni.
Joseph Muscat qed jikkommetti żewġ żbalji serji, qal il-PN:
– Li ma jammettix l-iżball politiku li għamel meta laqa’ b’idejh miftuħa lil Cyrus Engerer fi ħdan il-Partit Laburista minkejja li kienu għadhom għaddejjin il-proceduri legali kontrih; u
– Li jkompli jipperpetwa gidba biex jgħatti l-iżball tiegħu u n-nuqqas ta’ responsabbiltà tiegħu.
Il-Prim Ministru għandu għażla ċara quddiemu: jew ineħħi lil Cyrus Engerer mill-karigi li jokkupa jew jammetti mad-dinja li mġiba kriminali hi aċċettabbli għalih, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>