Illum huwa Jum l-Ewropa, il-jum li fih aħna l-Ewropej naħsbu fuq il-moviment kbir li qed iseħħ fil-kontinent tagħna, minn kontinent mifni bil-gwerer tul sekli sħaħ, għal kontinent ta’ paċi, libertà, kummerċ ħieles, solidarjetà u ħarsien, anke ambjentali.
L-idea rivoluzzjonarja ta’ Robert Schuman
Għaliex dan il-jum, id-9 ta’ Mejju? Għax bħal-lum, fl-1950, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Franza dak iż-żmien, Robert Schuman, ressaq idea rivoluzzjonarja wara gwerra qerrieda: li l-industriji tal-azzar u tal-faħam ta’ Franza u l-Ġermanja jingħaqdu ħalli minn industriji tal-gwerra ta’ żewġ għedewwa, isiru għodod ta’ żvilupp u paċi.
Min żgħożija kkundannata…
Idea sempliċi, kbira u li rnexxiet. Nannietna u bużnannietna, anke f’Malta, l-esperjenzi l-kbar ta’ ħajjithom kienu l-gwerer. Wilfred Owen, poeta Ingliż tal-Gwerra l-Kbira li bdiet mitt sena ilu, jiddeskrivi fil-poeżiji qawwijin tiegħu Ewropew joqtol Ewropew f’dik li f’poeżija kbira tiegħu isejħilha żgħożija kkundannata.
…għal żgħożija ħielsa
Illum, iż-żgħażagħ Ewropej jgħixu fil-paċi, fil-moviment ħieles, b’kummerċ u edukazzjoni madwar l-Ewropa kollha, b’munita fil-but li tiswa madwar l-Ewropa u fid-dinja, fis-solidarjetà, bi proġetti fl-infrastruttura, għall-volontarjat, fl-ambjent.
L-isfidi negħlbuhom magħqudin
Mhux kollox perfett, naturalment, imma flimkien aħna l-Ewropej nistgħu negħlbu l-isfidi quddiemna ferm aħjar milli kieku nkunu maqsumin. Magħqudin niksbu aktar, f’Ewropa ta’ valuri li rridu ngħixuhom kuljum.
L-Ewropea mhix biss għaqda ta’ pajjiżi, imma idea
Għax l-Ewropa mhix biss kontinent jew għaqda, imma idea. L-idea tad-dinjità, l-idea tad-drittijiet, l-idea tal-libertà, l-idea tad-demokrazija, l-idea tal-ugwaljanza, l-idea tas-solidarjetà, l-idea tal-inklużjoni, l-idea tal-ġustizzja, l-idea tal-liġijiet indaqs għal kulħadd, l-idea tal-pluraliżmu, l-idea tal-paċi, l-idea tal-ħarsien, l-idea tal-għaqda.
Il-kuraġġ li l-Ewropa sseddaq il-ħafna li wettqet s’issa
Din l-Ewropa li trid tkompli tittraduċi l-idea tal-Ewropa f’ġid għall-Ewropej, li tkompli tingħaqad fil-kuraġġ li l-ħafna li wettqet s’issa tista’ u għandha sseddqu.
Sodisfazzjon għall-għarfien wiesa’ li s-sħubija hi tajba
L-idea tal-Ewropa aħna l-Maltin għandna s-sodisfazzjon li qed nieħdu sehem fiha. Illum 75 fil-mija tal-Maltin jaqblu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet ħaġa tajba. Jifhmu kemm kienu żbaljati dawk li qalulna li s-sħubija ma kellniex x’irriduha, li ħadmu tant biex l-ebda Malti qatt ma jkollu siġġu fl-Ewropa, u li mbagħad marru jiġru huma l-ewwel għas-siġġu.
Idea żagħżugħa ta’ ġid għall-ġejjieni
Għalina l-Maltin Ewropej, dan hu jum ta’ kburija li qed nieħdu sehem fl-idea tal-Ewropa, mhux biss idea storika u kbira, imma l-idea żagħżugħa tal-ġid għall-ġejjieni.