Qorti

“Emenda fil-liġi biex vittmi ta’ droga jiġu riabilitati u mhux dikriminalizzazzjoni” – l-Imħallef Edwina Grima

Fl-ewwel diskors tagħha bħala Mħallef, Edwina Grima qalet li fil-qasam tad-droga, l-Eżekuttiv qed jieħu f’idejh il-problema tad-droga billi qed ikun propost li jkun hemm emendi fil-Liġi li jirregolaw il-pussess u t-traffikar. Hi żiedet tgħid li skont hi, l-abbuż tad-droga jonqos bl-infurzar tar-riabilitazjoni u mhux bid-dikriminalizzazzjoni. Kif inhi l-prassi ta’ kull pesuna li ssir Imħallef, qabel ma jibdew jiġu assenjati l-kawżi, isir l-ewwel diskors mis-Sedja. L-Imħallef Grima mistennija tibda tippresedi l-kawżi tal-Qorti tal-Appell Inferjuri.

F’awla mballata bin-nies, fejn preżenti kien hemm ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, kif ukoll membri tal-familja tal-Imħallef il-ġdida, hi bdiet id-diskors tagħha billi qalet li kien 18-il sena ilu li rifset għall-ewwel darba l-għatba tal-Qorti, fejn kienet ġiet assenjata xogħol mal-Maġistrat, illum Imħallef, Antonio Mizzi. Minn dakinhar qalet li bdiet tinbet fiha n-namra għax-xogħol tal-Qorti. Seba’ snin ilu ġiet imsejħa biex taqdi l-funzjoni ta’ Maġistrat.

Qalet li meta kien bagħat għaliha l-Prim Imħallef ta’ dak iż-żmien Vincent De Geatano biex jassenjalha d-doveri tagħha, ħadet xokk doppju hekk kif ġie assenjat lilha xogħol fl-awla tal-Qorti Kriminali u xogħol fil-Qorti ta’ Għawdex. Kompliet tgħid li kif ħarġet mill-uffiċċju tiegħu għaddielha l-ħsieb li tagħti r-riżenja tagħha għax bħala avukat qatt ma prattikat fil-kamp kriminali u qatt ma kienet daħlet il-Qorti ta’ Għawdex. Iżda meta tħares lura, tħoss li tgħallmet ħafna fil-kamp kriminali u qalet li f’Għawdex sabet familja ġdida fl-istaff ta’ hemm.

Hi ddeskriviet lill-ħaddiema fil-Qorti ta’ Għawdex bħala leali ħafna minkejja li jaħdmu b’nuqqas ta’ riżorsi u problemi oħrajn fosthom nuqqas ta’ Marixxalli, ta’ skrivana u anke ta’ machine operators. Qalet li Għawdex hemm biss Assistent Ġudizzjarju wieħed full time u dan iwassal biex il-Ġudikant jagħmel ix-xogħol kollu tas-seduta waħdu. Tliet snin ilu, qalet l-Imħallef Grima, ġiet assenjata mill-Prim Imħallef preżenti biex tagħmel il-kawżi tad-drogi sommarji. Dwar dan il-qasam, Grima qalet li “l-Eżekuttiv qed jieħu f’idejh il-problema tad-droga billi qed ikun propost li jkun hemm emendi fil-Liġi li jirregolaw il-pussess u t-traffikar.

“Fil-fehma umli tiegħi, il-leġislatur għandu jara li bl-emendi li jsiru, l-ewwel u qabel kollox, isib il-mezz kif l-abbuż tad-droga jista’ jonqos u dan biex jitnaqqas iċ-ċirku ta’ traffikar. Dan jista’ jsir biss billi jkun rinfurzat il-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-persuna li jabbuża mid-droga u mhux billi jkun hemm forma ta’ dikriminalizzazzjoni. Bniedem li jkun inqabad għall-ewwel darba jpejjep joint mhux neċessarjament hu persuna li jabbuża mid-droga b’mod regolari u billi wieħed ineħħih mill-biża’ li jiġi proċessat ġudizzjarjament għal tali azzjoni ma jwassalx neċessarjament biex itaffi l-problema.

“Il-leġistalur għandu jara li għal dawn in-nies ikun hemm struttura adegwata u pieni raġonevoli li jippermettu lill-Qorti jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa lil min jabbuża mid-droga”, qalet l-Imħallef Grima. Hi kompliet tgħid li sfortunatament illum il-Liġi tagħna ma tagħtix din l-għodda lill-Ġudikant għax persuna li tinqabad anke b’ammonti żgħar ta’ droga, trid tiġi penalizzata bil-fors b’piena ta’ ħabs bil-konsegwenzi li ssir aktar ħsara mill-ġid.

L-Imħallef Grima ikkonkludiet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lill-membri tal-familja tagħha u l-ħbieb, speċjalment lil żewġha Darryl u t-tliet uliedha Gabriel, Gaia u George, li dejjem issapportjawha fil-karriera ġuridika tagħha.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Avukati Reuben Balzan kellu kliem ta’ tifħir għall-Imħallef Grima, li kienet miegħu bħalha studenta tal-Liġi fl-Università ta’ Malta. “Inti minn dejjem kont waħda li kellek rispett kbir lejn il-pubbliku u dan għalik kiseb ir-rispett mingħandhom. Ħafna mill-Ġudikanti jirrispettaw lill-pubbliku li jiffaċċjaw, madankollu hemm numru żgħir li jpoġġu l-kumplament tal-Ġudikatura f’dawl ikrah”.

Minkejja dan, qal l-avukat Balzan, il-Qorti hi ffaċċjata minn numru ta’ dewmien, li hi r-raġuni ewlenija li fiha l-pubbliku jħobb jikkritika. “Filwaqt li l-pubbliku dejjem jistenna aktar mill-Ġudikant, Malta għandha wieħed mill-iżgħar ammont ta’ Ġudikanti fl-Ewropa u wieħed mill-anqas pajjiżi li jivvota flus fil-baġit ras għal ras għall-ġustizzja. Hu semma’ wkoll il-mod regolari li jsiru theddid ta’ bombi, li jtellfu ħafna mill-ħin. Qal li s-sitwazzjoni għandha tiġi ndirizzata b’mod sew, għax kull darba li jiġri dan, il-Qrati jiġu evakwati u kważi l-każijiet kollha jkollhom jiġu posposti.

L-avukat Balzan temm id-diskors tiegħu billi saħaq dwar il-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu f’kull livell ta’ Ġudikatura, fejn esprima wkoll it-tħassib tiegħu dwar kif in-nuqqas ta’ taħriġ f’kull livell iwasslu għal sentenzi b’rappurtaġġ ħażin fil-media.