Meta l-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru Joseph Muscat nieda l-Politika Nazzjonali dwar l-Impjiegi, waqt konferenza ta’ ġurnata, kien ħabbar li waħda mill-proposti tal-Gvern hi li jgħolli l-Bolla li titħallas minn min iħaddem ħalli jiffinanzja l-ispiża tal-leave tal-maternità. Il-Prim Ministru qal li l-ammont ta’ din iż-żieda se jkun determinat b’konsultazzjoni mal-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Iżda l-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona, meta mistoqsi dwar din il-proposta tal-Gvern, ikkontradixxa dak li qal il-Prim Ministru Muscat u ċaħad li se togħla l-Bolla ta’ min iħaddem. Din id-dikjarazzjoni tal-Ministru Cardona tmur kontra dak li qal Muscat f’dikjarazzjoni li kienet saħanistra wasslet biex l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), fi stqarrija, tiddikjara li ż-żieda fil-Bolla kienet miżjuda fl-aħħar minuta u li hemm bżonn aktar konsultazzjoni qabel tiddaħħal fis-seħħ.
Chris Cardona kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ta rendikont ta’ dawk li sejjaħ miżuri li ħa l-Gvern fl-ewwel sena biex joħloq aktar opportunitajiet għan-negozji ż-żgħar. Fost dawn, hu semma’ t-tibdil fil-“Micro Guarantee” u l-“Micro Invest”, li huma żewġ inizjattivi li saru mill-Gvern Nazzjonalista fl-aħħar leġiżlatura biex jgħin lin-negozji jinvestu aktar. Semma’ wkoll il-“BusinessFirst”, li wkoll kienet inizjattiva tal-Gvern Nazzjonalista, bl-iskop li n-negozji jkollhom one-stop-shop. Hu qal li l-Gvern se joħroġ White Paper dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet u qal li jrid jinstab bilanċ bejn l-interess tan-negozju u l-interess tal-konsumatur.
//= $special ?>