Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat injora s-sentenza tal-Qorti kontra Cyrus Engerer u ma ħa l-ebda passi kontrieh. Dan minkejja li l-kandidat Laburista nstab ħati li xerred materjal pornografiku u ngħata sentenza sospiża ta’ sentejn priġunerija. Kien Muscat innifsu li meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar dan il-każ, ammetta li d-deċiżjoni li Cyrus Engerer ma jikkontestax l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ittieħdet minn Engerer innifsu u mhux minnu.
Muscat kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt it-tnedija tal-kampanja elettorali ta’ kandidat ieħor Laburista, Joseph Cuschieri. Fit-tweġibiet tiegħu, Muscat iddefenda lil Cyrus Engerer u bħalma qal Engerer fl-istqarrija li fiha ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni, anke l-Prim Ministru implika li s-sentenza tal-Qorti kienet riżultat ta’ persekuzzjoni politika. Iżda mistoqsi direttament biex jgħid jekk id-deċiżjoni tal-Qorti kinitx korretta jew le, Muscat għażel li ma jikkummentax.
Cyrus Engerer kien wieħed mill-kandidati li, kif qal Joseph Cuschieri ftit tal-ġimgħat ilu, kien qed jiġi mbuttat mill-Partit Laburista. Tant hu hekk li Engerer hu wieħed mill-kandidati li fl-aħħar ġimgħat l-aktar li dehru fuq il-media f’isem il-Partit Laburista.
//= $special ?>