Internazzjonali

Il-Pakistan jintlaqat minn sensiela ta’ terremoti

Sensiela ta’ terremoti laqtu zona lejn in-Nofsinar tal-Pakistan fejn mietet talanqas persuna, b’numru kbir ta’ residenti jisfaw midruba.

Wieħed mit-terremoti, li rreġistra 4.6 fuq l-Iskala Richter, heżżeż il-Belt ta’ Nawabshah u l-madwar, fil-provinċja ta’ Sindh. Ir-rapporti, aktar tard, sostnew li ċedew is-soqfa ta’ diversi bini u bl-awtoritajiet lokali jiddikjaraw stat ta’ emerġenza.

It-theżżiż tal-art inħass ukoll f’diversi bliet żgħar viċin ta’ Nawabshah u li jinkludu l-inħawi ta’ Sakrand, Daur, Daulat Pur u Bandhi.

F’Settembru li għadda, terremot qawwi kien qatel ‘il fuq minn 300 persuna fil-provinċja remota ta’ Balochistan, lejn il-Lbiċ tal-Pakistan.