Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-PBS jerġa’ jiċċensura lill-Partit Nazzjonalista biex iservi ta’ gatekeeper tal-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista llum ressaq żewġ ilmenti oħra kontra x-Xandir tal-Istat (PBS) mal-Awtorità tax-Xandir wara li l-PBS kompla jmexxi l-aġenda tal-Gvern u jiċċensura lill-PN billi jinjora l-istqarrijiet u r-risposti tiegħu. Fl-ewwel nofs ta’ din il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir tal-Istat immexxija minn Reno Bugeja kompliet isservi ta’ gatekeeper tal-Partit Laburista.

Din il-ġimgħa, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ PBS irrepetiet il-qlajja diżonesta tal-Prim Ministru dwar it-track record tal-PN f’Għawdex u njorat kompletament l-istqarrijiet b’risposta tal-PN. L-istess ġara fil-każ tas-servizz dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna: il-PBS irrapporta l-kummenti tal-Prim Ministru Muscat u njora għal kollox l-istqarrija tal-Oppożizzjoni.

Il-PBS, li hu mħallas minn flus il-poplu, tant sar prepotenti li saħansitra rrifjuta li jxandar stqarrija tal-PN li kienet tikkritika lill-PBS. Il-Bord Editorjali tax-Xandir tal-Istat m’għandux jibqa’ kompliċi f’din il-manipulazzjoni. Il-PN qed jinsisti wkoll li l-Awtorità tax-Xandir tkun proattiva u mhux taġixxi biss wara li jilmenta l-PN.

Agħfas biex taqra l-ewwel ilment u t-tieni lment.