Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Każ li juri d-differenza fl-istandards tal-PL u dawk tal-PN

Is-sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża li ngħata l-kandidat Laburista Cyrus Engerer mill-Qorti tal-Appell, hi konferma għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma kellu jagħżel lil Cyrus Engerer bħala kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan minħabba l-kawża pendenti li kellu fil-Qorti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt l-attività Niltaqgħu mal-Kandidati, li saret il-Ġimgħa filgħaxija fiż-Żejtun. Ħadu sehem ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja, Helga Ellul u Norman Vella.

Simon Busuttil qal li dan il-każ juri d-differenza fl-istandards bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru diġa’ kien naqas b’mod gravi li ħalla lil Cyrus Engerer joħroġ bħala kandidat, imma wara li ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża mill-Qorti, lanqas biss talbu jirtira l-kandidatura tiegħu, imma kien Engerer stess li irtirha.

Simon Busuttil irrefera wkoll għal dak li qal il-Prim Ministru Muscat li l-25 sena ta’ gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista kienu kastig u qal li dan hu insult għal poplu kollu.

Hu rrefera wkoll għal mod kif il-Gvern qed jaqdi biss lil dawk tal-qalba bħala mara tal-Ministru Konrad Mizzi li qed tieħu 13,000 ewro fix-xahar, u l-Brigadier tal-Armata li ngħata erba’ promozzjonijiet f’erba’ ġimgħat. Imbagħad hemm 8,000 ruħ bla xogħol, pazjenti fil-kuriduri tal-Isptar u nies li għax m’humiex tal-qalba ma jsibux mediċini li suppost jingħataw b’xejn.

Il-kandidat Ray Bugeja qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-Ewropa u se jkompli jemmen fl-Ewropa. Hu qal li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li ġiet bil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, ġabet ġid kbir għal Malta.

Il-kandidat Helga Ellul qalet li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni għal Malta aħjar u ġab l-Indipendenza u wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dan għax dejjem emmen fil-kapaċità tal-ħaddiema u tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-kandidat Norman Vella qal li l-25 sena ta’ gvernijiet Nazzjonalisti fissru l-ħolqien ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol, ekonomija b’saħħitha, ġustizzja u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fakkar ukoll li fl-10 snin ta’ sħubija fl-UE il-gvern Nazzjonalista kiseb 2,354 miljun ewro għal Malta mill-fondi Ewropej.