Il-programm ta’ divertiment li jixxandar fuq NET Television is-Sibt waranofsinhar, Sibt Familja, din il-ġimgħa se jieħu xejra differenti. Dan hekk kif il-programm ta’ għada s-Sibt 10 ta’ Mejju se jkun iddedikat biex jinġabru fondi b’risq Puttinu Cares.
F’dan il-programm speċjali, li għal din il-ġimgħa se jibqa’ għaddej sal-5.30pm, se jipparteċipaw diversi personalitajiet, fosthom it-tiratur William Chetcuti, il-kantanti J Anvil, Kurt Calleja, Krista, Victorio Gauci u Federica Falzon, l-atturi Carlos Farrugia u Rachel Micallef, u l-personalitajiet televiżivi Stellina u Ruth Frendo.
Matul il-programm, se jixxandru wkoll ħafna stejjer ta’ suċċess, irrakkontati minn persuni li bbenefikaw minn Puttinu Cares. F’dan il-programm jibqgħu l-elementi li għamlu lil dan il-programm daqstant popolari u segwit mill-familji Maltin u Għawdxin, fosthom il-logħob u anke l-varjetà bil-parteċipazzjoni ta’ bosta personalitajiet popolari u dawk residenti bħall-band ta’ Mark Spiteri Lucas, il-komiku Toni Busuttil u l-kantanti Ludwig Galea, Ivan Spiteri Lucas u Neville Refalo.
Fis-sentejn li għaddew, il-programm Sas-Sitta, li kien produzzjoni oħra ta’ Spiteri Lucas Entertainment, ġabar aktar minn 52,000 ewro b’risq Puttinu. Bl-għan tat-tim tal-produzzjoni jkun li jinkiseb suċċess ieħor f’din l-edizzjoni.
Sibt Familja, li jibda fis-1.30pm, hu ppreżentat minn Ray Attard u Debbie Scerri, bi produzzjoni ta’ Spiteri Lucas Entertainment.
//= $special ?>