Futbol Sport

Il-qawwa tal-Ingliżi wisq għal Maltin

MALTA………………….0
INGILTERRA………..3

Malta> J. Azzopardi, D. Buckle, J. Borg, N. Ghio (J. Corbolan 72′), M. Guillaumier, C. Degabriele, A. Friggieri, J. Grech (I. Meli 72′), K. Nwoko, C. Borg, J. Mbong ( M. Beerman 41′)

Ingilterra> F. Woodman, J. Kenny, T. Moore, R. Ledson, J. Gomez, D. Fry, J. Onomah (L. Cook 69′), A. Armstrong, D. Solanke (C. Cooke 58′), J. Sims, P. Roberts ( D. Mitchell 49′)

Skorjaw> A. Armstrong 25’, P. Roberts 15’, 48’
Referee> Aleksandrs Anufrijevs (LVA)

L-Ingilterra kisbu l-ewwel rebħa minn Grupp A meta meritatament għelbu lit-tim Malti 3-0. Is-supremazija tat-tim Ingliż dehret mill-bidu u ma kinitx sorpriża li l-Ingliżi ħarġu bil-massimu tal-punti. It-tim Malti prova b’wirja qalbiena fejn beda jipprova jagħlaq kemm jista’ jkun l-ispazji tal-avversarji. Għat-tim Ingliż spikkaw Joshua Onomah u Patrick Roberts li bl-aġilita’ ġiegħlu lid-difensuri Maltin jitħabtu iktar.

Il-kowċ ta’ Malta Sergio Soldano ħareġ b’formazzjoni ta’ 4-2-3-1 b’Jamie Azzopardi fil-lasta, l-erba’ difensuri iffurmati minn Jean Borg, Christian Degabriele, Nick Ghio u Daniel Buckle. F’nofs il-grawnd lagħbu Matthew Guillaumier u Jake Grech, b’Conor Borg, Joseph Mbong u Aidan Friggieri jilagħbu wara l-attakant Nwoko.

It-tim Ingliż immexxi minn John Peacock ħareġ bl-istess formazzjoni bl-iktar plejers offensivi jkunu Sims, Solanke u Roberts li lagħbu wara Armstrong.

It-tim Ingliż fetaħ fuq l-attakk mill-bidu u fl-ewwel minuta xutt ta’ Armstrong ħabat mal-mimduda. L-Ingilterra fetħu l-iskor fil-15-il minuta meta PATRICK ROBERTS għadda minn fuq il-lemin u b’xutt fil-baxx għeleb lil Jamie Azzopardi. Fit-18-il minuta xutt ta’ Friggieri għadda barra.

L-Ingilterra skorjaw it-tieni gowl fil-25 minuta meta ADAM ARMSTRONG irċieva ballun minngħand Patrick Roberts u b’xutt fil-baxx għeleb lil Jamie Azzopardi. L-IngliżI komplew ġejjin u fil-35 minuta xutt ta’ Onomah ġie imblukkat iżda Azzopardi irnexxilu jtir fil-ħin u salva tajjeb. Minuta wara kross ieħor ta’ Onomah lejn Solanke li xxuttja mill-ewwel iżda x-xutt għadda ftit barra.

Fit-tieni taqsima l-kowċ Soldano għamel sostituzzjoni meta Beerman daħal flok Mbong. Fil-45 minuta xutt ta’ Guillaumier għadda għoli. It-tim Ingliż mar viċin fis-47 minuta Armstrong minn qagħda ideali xeħet għoli. Iżda minuta biss wara l-Ingilterra għamluhom tlieta meta għal darba oħra kien PATRICK ROBERTS li b’xutt fenomenali minn barra l-kaxxa għeleb lil Azzopardi.

It-tim Malti mar viċin li jnaqqas il-marġni fl-54 minuta iżda x-xutt ta’ Nwoko għadda ftit barra. Il-Maltin komplew jippruvaw għal gowl u fis-60 minuta xutt fil-baxx ta’ Friggieri għadda ftit barra. L-Inglilterra marru viċin ir-raba’ gowl meta Jonjoe Kenny għadda tajjeb u prova b’xutt b’saħħtu li iżda għadda ftit barra.

L-Ingliżi marru viċin għal darba oħra fis-76 minuta meta Adam Armstrong fetaħ id-difiża b’ġirja tipika tiegħu avvanza u prova minn pożizzjoni angolata li iżda ġiet mċaħħda mill-mimduda. Lejn it-tmiem l-Ingilterra marru viċin għal darba oħra meta lob tas-sostitu Cooke għadda ftit għoli fuq il-mimduda.