Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Illum jibda t-tqassim tad-Dokumenti tal-Vot mill-Għases

Għal dawk li għad m’għandhomx f’idejhom id-Dokument tal-Vot għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, issa jistgħu jiġbruh mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokal tagħhom jew mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali fejn m’hemmx Għassa. Dan hekk kif wara li ġimgħa ilu ntemm it-tqassim mill-Pulizija fid-djar, bejn illum u s-Sibt, 17 ta’ Mejju, id-Dokumenti tal-Vot jistgħu jinġabru biss mill-Għases.

Meta ġimgħa ilu ntemm il-proċess tat-tqassim tal-Voti fid-djar, kien għad fadal 43,223 Dokument tal-Vot mhux imqassma, jiġifieri kważi 13% tal-votanti eliġibbli skont l-aħħar Reġistru Elettorali. B’kollox, 344,356 votant għandhom id-dritt tal-vot fl-24 ta’ Mejju. L-akbar ammont ta’ voti mhux imqassma mill-Pulizija kien fit-12-il distrett, li jinkludi lil San Pawl il-Baħar, bi kważi 25%. Isegwi hemm l-10 distrett, li jinkludi lil San Ġiljan u Tas-Sliema, b’21%, it-13-il distrett, ta’ Għawdex, b’14% u d-9 distrett, li jinkludi lil San Ġwann u s-Swieqi, ukoll b’14%.

Min-naħa l-oħra, l-akbar ammont ta’ voti mqassma kien fir-4, il-5 u s-6 distretti elettorali, fejn fadal biss bejn 7% u 9% tal-voti x’jinġabru. Dawn id-distretti jinkludu lokalitajiet bħall-Gudja, il-Marsa, Ħal Tarxien, Birżebbuġa u Marsaxlokk, iż-Żurrieq, Ħal Qormi u Ħal Luqa. Il-ħinijiet biex jinġabru d-Dokumenti tal-Vot mill-Għases huma bejn id-9am u s-1pm u bejn it-3pm u d-9pm. Fl-aħħar ġurnata, is-Sibt, 17 ta’ Mejju, il-ġbir idum sal-10pm. Biex wieħed jiġbor id-Dokument tal-Vot irid jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.

Fl-24 ta’ Mejju se jsiru wkoll elezzjonijiet biex jiġu eletti ħames Kumitati Amministrattivi fil-komunitajiet, iżda f’dan il-każ ir-residenti jistgħu jivvutaw billi jippreżentaw il-Karta tal-Identità.