Unjoni Ewropea

Illum Jum l-Ewropa

Id-9 ta’ Mejju hu Jum l-Ewropa u llum l-Ewropa qed tfakkar l-64 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Schuman. Fid-9 ta’ Mejju 1950, dak li kien il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman għamel l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropea.

Schuman kien qara dikjarazzjoni lill-istampa internazzjonali f’Pariġi u kien sejjaħ lil Franza, lill-Ġermanja u lil pajjiżi Ewropej oħrajn biex jgħaqqdu l-produzzjoni tagħhom tal-faħam u tal-azzar “fl-ewwel fondazzjoni konkreta ta’ federazzjoni Ewropea”.

Ħames snin wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, Schuman kien ippropona t-twaqqif ta’ istituzzjoni Ewropea sopranazzjonali, biex tieħu ħsieb l-industrija tal-faħam u tal-azzar, l-aktar settur li 75 sena ilu kien għamel il-gwerra possibbli.

Il-pajjiżi li hu sejjaħ, jiġifieri Franza u l-Ġermanja, kienu kważi qerdu lil xulxin u għal dak iż-żmien ir-rikonċiljazzjoni kienet pass kuraġġjuż. Għalhekk, it-twaqqif dakinhar tal-European Coal and Steel Community (ECSC) fisser l-ewwel pass lejn il-paċi fl-Ewropa.

Eventwalment, minn għaqda ta’ sitt pajjiżi fundaturi speċjalizzati fl-industriji tal-faħam u l-azzar, din mas-snin inbidlet l-ewwel f’Komunità Ekonomika Ewropea (EEC), ibbażata fuq il-koperazzjoni ekonomika, u aktar tard Unjoni Ewropea (UE), għaqda politika li mas-snin kompliet tikber u tiftaħ il-bibien tagħha għal aktar pajjiżi biex illum l-Istati Membri jammontaw għal 28.