Internazzjonali

Jarrestaw il-qattiel tal-prostituta ‘msallba’

Raġel suspettat dwar il-qtil, jiem ilu, tal-prostituta Rumena li kien waħħax il-pajjiż kollu spiċċa arrestat mill-pulizija li anki qegħdin jassoċjawh ma’ erba’ każi oħra ta’ omiċidju fl-inħawi ta’ Firenze.

L-arrest ta’ Riccardo Viti, li jagħmel ix-xogħol ta’ manutenzjoni fir-residenzi tan-nies, seħħ matul il-lejl tal-Ħamis u fejn ammetta li kien hu li ttortura u qatel lil Andrea Cristina Zamfir, il-prostituta ta’ 26 sena, li l-katavru tagħha kien insatab marbut ma’ ħadida u f’pożizzjoni fejn deher daqslikieku ‘msallab’.

Dan il-każ makabru żvelah ċiklista li nzerta għaddej mill-inħawi, fid-distrett ta’ Ugnano, u bil-Pulizija timpenja r-riżorsi kollha possibbli fl-investigazzjoni tal-qtil.

Intant Viti, li għandu 55 sena, ammetta l-ħtija, u wara li l-identifikazzjoni tiegħu saret possibbli fuq il-bażi ta’ rapporti mingħand numru ta’ nisa li spiċċaw stuprati minnu.

Viti kien arrestat fid-dar tiegħu fiz-zona ta’ via Locchi, lejn il-limiti ta’ Firenze u mifhum li hu ma pprovda l-ebda reżistenza lill-pulizija. Ir-rapporti qalu wkoll li fil-ħin tal-arrest, is-suspettat lissen il-kliem li ‘ħajtu, issa, spiċċat u li ħadd ma jista’ jsalvah’.

Il-ġirien ta’ Viti kienu jafuh bħala ‘raġel edukat, iżda xi ftit stramb’, bil-Kap tal-Pulizija ta’ Firenze, Raffaele Micillo, jikkonferma li qegħdin jinvestigaw lill-arrestat b’konnessjoni ma’ erba’ każi oħra ta’ qtil li seħħew f’din il-belt fuq perjodu ta’ għaxar snin.

Mistenni wkoll li jitressqu l-akkużi kontra Viti b’konnessjoni mal-aggrediment ta’ numru ta’ prostituti – bil-pulizija tiżvela li kienet sabet it-traċċi tal-istess DNA fi tlett każi separati li huma investigaw b’konnessjoni mal-omiċidju ta’ Zamfir. Huma lanqas ma jeskludu li ‘l quddiem jista’ jkun hemm ‘aktar każi’ marbutin mal-qtil ta’ din il-prostituta Rumena.