Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Jum l-Ewropa: Malta Aħjar fl-Ewropa

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, il-Partit Nazzjonalista qal li jġedded il-prinċipji li għaqqdu lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u li wasslu għal kooperazzjoni bla preċedent fil-kontinent Ewropew: il-prinċipji tal-paċi, is-solidarjetà, il-libertà u l-kooperazzjoni. Fi stqarrija maħruga mill-Kelliema għall-Affarijiet Ewropej, Marthese Portelli qalet li jum l-Ewropa hija okkażjoni li tfakkarna li flimkien nistgħu negħlbu l-isfidi li nsibu quddiemna b’mod aqwa, għax magħqudin immorru aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ewropa mhix biss kontinent jew istituzzjoni hekk kif tirrappreżenta l-idea tad-demokrazija, id-drittijiet, il-libertà, id-dinjità, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, l-inklużjoni, il-ġustizzja, il-liġijiet indaqs għal kulħadd, il-pluraliżmu, il-paċi, il-ħarsien u l-għaqda.

Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li illum f’pajjiżna jeżisti kunsens li Malta hi Aħjar fl-Unjoni Ewropea; 75% tal-poplu Malti u Għawdxi llum iħossuhom Ewropew. Pajjiżna bbenefika bis-sħiħ bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, mhux biss bil-fondi li ksibna bħala pajjiż, total ta’ €2,354 miljun, iżda wkoll bl-opportunitajiet li nfetħu kif ukoll b’titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna.

Skont il-Partit Nazzjonalista, sħubija fl-Unjoni Ewropea għenet ukoll biex jinħoloq aktar xogħol u aktar opportunitajiet fosthom inċenti għal investiment min-negozji, fondi għat-taħriġ tal-ħaddiema u l-istudenti u fondi ddedikati għall-infrastruttura u t-tisħiħ tal-prodott turistiku.

Il-Partit Nazzjonalista qal li mill-Oppożizzjoni se jkompli jaħdem għal soċjetà aħjar billi jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu għal Malta Aħjar fl-Ewropa.