Lokali Unjoni Ewropea

Jum l-Ewropa mfakkar mill-Uffiċċji f’Malta tal-KE u tal-PE

Hekk kif illum qed jitfakkar Jum l-Ewropa, li jirrappreżenta għeluq snin l-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċji f’Malta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew organizzaw avveniment li matulu studenti tas-Sekondarja ġew ippremjati għall-aħjar preżentazzjonijiet dwar l-10 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-UE. L-attivita’ saret fl-Awla Magna tal-Università l-Qadima fil-Belt u b’kollox ġew ippremjati 27 student minn sitt skejjel.

Għal din l-attività ġew mistiedna membri mill-Kamra tar-Rappreżentanti u kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. L-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri li kienu preżenti, fost oħrajn, assistew għal rappreżentazzjoni divertenti dwar l-istorja tal-Ewropa u Malta, mill-atturi Malcolm Galea u Joseph Zammit. Ħadet sehem ukoll l-Orkestra tal-Junior College, li allegrat lill-udjenza b’siltiet mużikali klassiċi.

Illum, l-iskop ta’ Jum l-Ewropa sar wieħed biex ikun hemm iżjed għarfien dwar ir-rwol u l-importanza tal-UE u biex l-integrazzjoni Ewropea tkun imħeġġa dejjem aktar.