Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Konrad Mizzi għadu qed jikkompila d-dikjarazzjonijiet tal-assi

Il-Gvern li wiegħed trasparenza u osservanza tar-regoli u l-Gvern li wiegħed rispett sħiħ lejn ir-regoli tal-pajjiż, l-aktar mill-klassi politika, issa jinsab iffaċċjat bi pressjoni fl-opinjoni pubblika għall-fatt li numru kbir ta’ Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati tiegħu, inkluż il-Prim Ministru nnifsu, naqsu milli jippreżentaw fil-ħin id-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom.

Wara li kien żvelat li kien hemm numru ta’ Ministri li naqsu milli jippreżentaw l-assi tagħhom skont il-Kodiċi tal-Etika, b’uħud iressquhom quddiem il-Parlament wara li The Malta Independent żvela l-istorja, wieħed wara l-ieħor il-Ministri tal-Gvern kienu ffaċċjati mill-ġurnalisti biex jispjegaw għaliex m’għamlux dawn id-dikjarazzjonijiet. Wieħed wara l-ieħor, il-Ministri tal-Kabinett bdew jagħtu raġunijiet differenti għal dan in-nuqqas, li f’ħafna mill-każi, qed jirriżulta għat-tieni sena konsekuttiva.

Fost dawn, hemm il-Ministru responsabbli mill-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, li ma tax raġuni għaliex ma daħħalx id-dikjarazzjonijiet tiegħu. Mistoqsi kienx jaf li jrid iressaq żewġ dikjarazzjonijiet, bħala Deputat u bħala Ministru wara li l-Ministru Edward Scicluna wieġeb li ma kienx jaf, Konrad Mizzi qal biss li dawn se jkunu ppreżentati fil-ġranet li ġejjin għax qed ikunu kumpilati.

Quddiem din is-sitwazzjoni u wara li din diġà ġrat sena ilu bi ksur tal-Kodici tal-Etika tal-Kabinett, il-poplu din id-darba kien jippretendi bi dritt li wara l-ewwel sena sħiħa tagħhom fil-Gvern, il-Ministri Laburisti ma jfallux dan it-test sempliċi ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-assi.