Lokali

L-AD tgħid li l-awtorità regolatorja dwar il-finanzjament tal-partiti m’għandhiex tkun il-Kummissjoni Elettorali

L-Alternattiva Demokratika qed tipproponi li l-awtorità regolatorja dwar il-partiti politiċi u l-finanzjament tagħhom, m’għandhiex tkun il-Kummissjoni Elettorali iżda l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Wara laqgħa li saret mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, id-Deputat Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo qal f’konferenza tal-aħbarijiet li l-Kummissjoni Elettorali tinsab taħt il-kontroll esklussiv tal-partiti politiċi fil-Parlament.

Iżda l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, meta jinħatar bi qbil ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari, għandu mhux biss ikun persuna ta’ integrità, imma fuq kollox persuna aċċettabbli għal faxxa iktar wiesa’ ta’ nies.

Fil-laqgħa mal-Ministru Bonnici, Carmel Cacopardo qal li Alternattiva Demokratika qed tipproponi li fil-każ ta’ partiti politiċi li t-turnover annwali tagħhom ma jaqbiżx il-mitt elf ewro, l-ispejjeż marbutin mal-verifika annwali jitħallsu mir-regolatur.

Iċ-Chairperson tal-AD Arnold Cassola qal li filwaqt li donazzjonijiet taħt l-€4,000 fis-sena għandhom jibqgħu protetti bil-kunfidenzjalità, id-donazzjonijiet bejn l-€4,000 u l-€40,000 fis-sena għandhom ikunu pubbliċi u tingħata informazzjoni dwarhom lir-regolatur.

Arnold Cassola qal li l-AD qed tipproponi li l-infiq tal-kandidati m’għandux jaqbeż l-€4,000 fil-każ ta’ elezzjonijiet ġenerali u €20,000 fil-każ ta’ elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Cassola żied jgħid li mhux aċċettabbli li l-White Paper tinjora limiti ta’ infieq mill-partiti politiċi fl-elezzjonijiet, kif ukoll l-attivitajiet kummerċjali tal-partiti – liema attività kummerċjali tista’ tintuża biex taħbi donazzjonijiet lill-partiti. Hu saħaq li dan għandu jkun rimedjat meta titfassal il-liġi.