Il-persuni ta’ mezz’eta li huma disposti għall-argumenti kontinwi mal-ħbieb u l-qraba qegħdin jilgħabu b’ħajjithom f’termini ta’ saħħa – bir-riċerkaturi Daniżi mal-Universita ta’ Copenhagen iwissu li s-sogru tal-mewt hu akbar minn ta’ ċirkostanzi oħrajn.
L-istudju li jidher fil-Journal of Epidemiology and Community Health itenni li l-irġiel, ‘u b’mod partikolari l-irġiel li ma jaħdmux’ huma l-aktar vulnerabbli. Intant, l-inkwiet konsistenti dwar membri tal-familja hu marbut ma’ rata tal-mortalità ogħla f’din il-kategorija ta’ nies.
Il-personalità tal-individwu u l-kapaċità tiegħu li jikkonfronta l-istress x’aktarx li jaffettwaw ir-riżultati tal-istudju. Intant, u waqt li r-riċerkaturi kkalkulaw li ‘l-argumenti kontinwi jirduppjaw jew iżidu bi tlett darbiet il-potenzjal tal-mewt (għal mara u raġel ta’ mezz’eta)’ huma ma jistgħux jispjegaw bis-sħiħ il-fatturi wara dan il-fenomenu.
Dan meta r-riċerka preċedenti tissuġġerixxi li n-nies b’livell għoli ta’ ansjetà u li huma mgħobbijin bir-responsabbiltajiet fir-rigward tas-sieħba u l-ulied kapaċi qed jissugraw aktar li jisfaw vittmi ta’ mard tal-qalb jew l-attakki tal-puplisija. L-argumenti mal-qraba huma wkoll assoċjati ma’ dan il-periklu, bil-personalità ta’ persuna, fil-parti kbira, tiddetermina kif hu jirreaġġixxi għal ‘relazzjonijiet u sitwazzjonijiet soċjali’.
//= $special ?>

