Bosta swieq finanzjarji Ewropej raw żidiet fl-aħħar jiem hekk kif jidher li l-konflitt fl-Ukraina mhux qed jeskala. Madankollu kien hemm aħbarijiet mhux tant pożittivi dwar l-ekonomiji Ewropej. Tnaqqis fix-xogħol industrijali fl-Ewropa wassal sabiex is-swieq naqsu ftit mil-livelli kważi rekord li kienu laħqu matul il-ġurnata tal-Ħamis.
L-aħbar prinċipali tal-ġimgħa kienet li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi tkellem ċar dwar il-possibilità li l-Bank jieħu azzjoni konkreta f’Ġunju. L-inflazzjoni fl-Ewropa tinsab f’livell baxx ħafna u dan qed inaqqas il-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji. Il-Bank jista’ jerġa’ jnaqqas ir-rati ta’ interess sabiex wieħed ikun mħeġġeġ jonfoq u jinvesti flusu flok iħallihom reqdin f’kontijiet bankarji.
Diversi analisti oħra qalu li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jitfa’ flus fl-ekonomiji sabiex jgħin lir-rota ekonomika tieħu iktar ritmu. Hekk kif Mario Draghi ħabbar din il-possibilita’, l-munita ewro ħadet daqqa l’isfel kontra kull munita internazzjonali oħra. Kemm id-dollaru Amerikan u dak Awstraljan issaħħu kontra il-munita unika Ewropea, b’mod sostanzjali fi ftit siegħat. Il-fatt li l-ewro jkun b’saħħtu ħafna jagħmilha iktar diffiċli għal kumpaniji Ewropej sabiex jesportaw.
Il-Barclays Bank li matul il-ġimgħa ħabbar li se jneħħi iktar minn 19,000 ħaddiem ra żidiet fil-prezz tal-ishma tiegħu. Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Spanjola Telefonica rat tnaqqis fil-valur tal-ishma hekk kif ħabret nuqqas qawwi fil-profitti.
Mil-bidu tas-sena sa issa, l-iktar boroż li raw żidiet kienu dawk tal-Italja (14.6%), Portugall (13.4%), Danimarka (13.2%), Norveġja (8.9%) u Irlanda (8.5%).
Il-prezzijiet tal-bonds baqgħu jiżdiedu hekk kif bosta investituri qed ikomplu jagħżlu li jinvestu f’bonds milli f’ishma. Dan il-fenomenu beda malli bdew ħerġin aħbarijiet mhux tant pożittivi dwar is-swieq emerġenti.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti ghal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’ghandhomx jiġu kunsidrati bħala parir ta’ investiment.
//= $special ?>