Kull ħajja salvata jfisser li xi membru minn familja ġie jew ġiet salvata u intom, l-għaqda Europa Donna, tippruvaw tagħmlu minn kollox biex dan ikun possibbli. Sostna dan il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia f’laqgħa li kellu mal-membri tal-Europa Donna Breast Cancer Support Group waqt żjara fil-kwartieri tagħhom fil-Furjana.
Stefano Mallia qal li hu mportanti li f’pajjiż żgħir bħal Malta l-għaqdiet mhux governattivi jingħataw kull għajnuna meħtieġa biex jaqdu l-funzjoni tagħhom. Dan b’mod speċjali meta dik l-NGO tkun għaqda bħal Europa Donna, li taqdi funzjoni importanti ħafna fil-qasam tas-saħħa, li hu wieħed mill-oqsma fundamentali fi kwalunkwe pajjiż. Stefano Mallia semma’ kif fl-aħħar snin kien hemm avvanzi kbar fil-qasam tal-kanċer tas-sider u anke fil-Programm Nazzjonali Kontra l-Kanċer tas-Sider, li jinkludi l-iscreening tas-sider lil nisa maturi fl-età.
Il-kandidat tal-PN sostna li iżda issa wasal iż-żmien li f’dan il-Programm ikunu nklużi nisa ta’ età aktar żgħira għax il-kancer fis-sider jolqot anke nisa ta’ età żgħira. Barra minhekk, aktar ma tinduna bil-kancer fi stadju biki, il-persuna jkollha ċans akbar li ssalva. Mallia temm jgħid li jekk ikun elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew, hu lest jiltaqa’ b’mod regolari ma’ għaqdiet bħal Europa Donna biex flimkien jiżviluppaw inizjattivi li jtejjbu t-tmexxija tagħhom u allura jtejjbu s-servizz li joffru lill-komunità.
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Europa Donna Gertrude Abela rringrazzjat lil Stefano Mallia talli żar lill-għaqda u talli fuq kollox wera nteress fl-għaqda li jmexxu u li toffri servizzi varji fejn jidħol kanċer tas-sider. Fosthom tingħata għajnuna lill-vittmi u li jiltaqgħu ma’ persuni oħrajn li għaddejjin jew għaddew minn esperjenza simili, bl-iskop li ma tisparixxix it-tama li jistgħu ifiqu u għalhekk jagħmlu kuraġġ.
//= $special ?>