Lokali Parlament

Filmat: L-Oppożizzjoni tippreżenta l-Mozzjoni dwar id-Drittijiet Diġitali lill-iSpeaker

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat lill-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia l-Mozzjoni biex id-drittijiet diġitali jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni. Permezz tal-Mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed tipproponi numru ta’ Emendi Kostituzzjonali biex ikunu introdotti erba’ drittijiet ċivili diġitali ġodda. Dawn huma l-kuncett tad-dritt għal aċċess għall-internet, id-dritt għal aċċess għall-informazzjoni, id-dritt għal-libertà tat-tixrid tal-informazzjoni u d-dritt li ċ-ċittadin jiddeċiedi hu stess x’informazzjoni dwaru jqassam.

Il-Mozzjoni kienet ippreżentata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco flimkien mal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, il-Kelliema dwar id-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet ċivili Claudette Buttigieg u l-Kelliema għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Kristy Debono.

Mario de Marco spjega li l-iskop ta’ dawn l-Emendi Kostituzzjonali. Hu qal li d-dritt għall-aċċess għall-internet juri li ċ-ċittadin għandu jkollu aċċess għall-infrastruttura tal-internet u li l-Gvern għandu jiżgura li l-familji żvantaġġjati, speċjalment iż-żgħażagħ, ikollhom aċċess għall-internet minħabba r-rabta intima bejn l-internet u d-dinja edukattiva tal-lum.

Id-dritt għall-aċċess għall-informazzjoni jfisser li l-Istat m’għandux idaħħal restrizzjonijiet fuq l-użu tal-internet li mhumiex ġustifikabbli f’soċjetà moderna. Id-dritt għal-libertà tat-tixrid tal-informazzjoni jfisser li ċ-ċittadin ikollu d-dritt li jxerred l-informazzjoni mingħajr indħil mill-Istat. Id-dritt għall-informational self-determination ifisser li ċ-ċittadin jiddeċiedi hu stess x’informazzjoni dwaru jqassam ma’ terzi persuni u mhux ħaddieħor.

Min-naħa tagħha, id-Deputata Nazzjonalista Kristy Debono spjegat li l-PN fil-Gvern ħadem biex it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tkun aktar aċċessibbli. Issa wasal iż-żmien li d-drittijiet tal-privatezza, l-informational self-determination u l-aċċess għall-ICT ikunu rikonoxxuti bħala dritt fundamentali fid-drittijiet ċivili tal-espressjoni.

Id-Deputata Nazzjonalista Caludette Buttigieg qalet li permezz ta’ dawn l-Emendi Kostituzzjonali, ħadd ma jkun jista’ juża’ informazzjoni privata bla awtorizzazzjoni taċ-ċittadin. Hi qalet li l-aċċess akbar għas-servizz tal-internet iġib responsabbiltajiet akbar fuq it-tfal u anke fuq l-adulti.

L-iSpeaker Anġlu Farrugia faħħar il-kontribut tal-Oppożizzjoni biex pajjiżna jkollu Kostituzzjoni aktar ħajja. Hu qal li din hi inizjattiva nobbli u mportanti.